It-tielet unur għal Gżira Athleta

Monday, November 7, 2016, 19:39

St. James Hospital Shield Irġiel – FINALI 

minn Colin Schembri

Gżira Athleta 74

Floriana MCP Car Parks 58

(15-15)(23-22)(16-8)(20-13)

Gżira Athleta rebħu s-St. James James Hospital Shield meta fil-finali għelbu lil Floriana Cafè Del Mar 74-58. Dan kien it-tielet unur li rebħu l-Athleta dan l-istaġun u d-disa’ suċċess tagħhom fis-Shield meta rebħuha wara nuqqas ta’ sentejn. Iż-żewġ timijiet ippreżentaw l-aħjar formazzjoni possibli bl-Athleta jinkludu wkoll lill-Olandiż Judah Bos għalkemm ma ħax sehem fil-partita hekk kif l-Amerikan Josiah Whitehead reġa’ kellhu partita mill-aqwa. Il-bidu tal-partita kien bilanċjat bil-vantaġġ jibdel l-idejn għal diversi drabi. Athleta kellhom run qasira ta’ 7-2 b’punti ta’ Michael Naudi u Peter Shoults li kellhu wkoll trippla però Floriana għalqu b’basket ta’ Chad Patus għal skor ta’ 15-15. Fit-tieni taqsima d-dħul ta’ Dirk Schembri ra lil Floriana jieħdu diversi offensive rebounds. Athleta kellhom mument tajjeb bit-trippli ta’ Whitehead, Billy Zammit, Roderick Vella u David Camilleri. Floriana reġgħu rkupraw u kellhom break ta’ 12-3 li għalquh bi trippla ta’ Patus però free-throws ta’ Shoults poġġew lill-Athleta fuq quddiem.

Wara l-intervall iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin speċjalment fl-ewwel erba’ minuti. Hawn kien hawn xi protesti minn naħa tal-Furjaniżi minħabba deċiżjonijiet tal-uffiċjali u kellhom it-technical fouls kontrijhom biex Athleta approfittaw b’run ta’ 8-0 għal skor ta’ 54-45. Floriana ppruvaw jerġgħu jidħlu fil-logħba fl-aħħar taqsima meta bdew bi break qasir ta’ 6-2. Hawn però Athleta kellhom run oħra qawwija ta’ 12-0 bi trippli ta’ Vella u Zammit biex ħadu kontroll tal-partita. Floriana kellom trippla ta’ Patus u basket ta’ Anton Axiaq però Athleta baqgħu jżommu kontroll sat-tmiem biex ħarġu rebbieħa 74-53. Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-trofew lil Michael Naudi li għolla t-tielet trofew għal dan l-istaġun.

Gżira Athleta: M. Naudi 14, R. Vella 15, D. Camilleri 3, L. Stefanovic, P. Shoults 10, F. Mifsud Bonnici, B. Zammit 6, J. Bos, S. Vincic, M. G. Montaldo, J. Whitehead 26.

Floriana MCP Car Parks: C. Patus 15, S. Pace 4, D. Schembri 12, S. Borg 2, N. Vasovic 13, C. Calleja 8, A. Axiaq 4, N. Andrejevic.

Referees: Gordon Barbara, Christine Farrugia, Teemu Helenius.

Colin Schembri





Leave a comment