It-tielet Rawnd tal-Yamaha Gozo Motocross Championship

Wednesday, December 19, 2018, 13:58

Il-Gozo Motorcross Association organizzat it-tielet rawnd mill-Yamaha Gozo Motocross Championship 2018/19 bil-parteċipazzjoni ta’ diversi sewwieqa Għawdxin u Maltin li wrew ħila inkredibbli fuq il-muturi tagħhom. Il-kompetizzjonijiet bdew fis-1pm, segwiti minn numru kbir ta’ spettaturi li għażlu li jqattgħu l-ħin tagħhom Ta’ Xħajma jissapportjaw lil dawn is-sewwieqa u dan l-isport  tant maħbub.

F’dan l-istagun insibu erba’ klassijiet.

Fi Klassi A, is-sewwieq David Dimech beda fuq nota tajba hafna fi tliet “heats”. Matul il-korsġ tat-tlielaq huwa gie ddominat minn Steve Xuereb li ħafna drabi għamel il-parti l-kbira tat-tellieqa isegwi wara Dimech. Għaldaqstant Xuereb irnexxielu jispiċċa fl-ewwel post segwit minn Dimech fuq il-mutur tiegħu Honda CRF 450cc.

Fi Klassi B rajna taqtigħa interessanti  ferm bejn Robert Spiteri u  Glenn Vella. Għalkemm Vella rebaħ 2 minn 3 “heats” huwa kellu taqtigħa iebsa kontra Spiteri. Infatti Vella rebaħ din il-kategorija bi 3 punti biss vantaġġ fuq Spiteri. Warajhom segwa Keith Bugeja fuq Yamaha YZF 250cc.

Jorn Stellini għal darb’ohra rebaħ Klassi Ċ u warajh daħal Matthew Spiteri. Matthew Buttigieg daħal fit-tielet post b’punt wieħed biss wara Spiteri.

Fi Klassi D ukoll segwejna tlielaq interessanti ferm bejn is-sewwieqa David Mercieca, Eric Cardona, Anthony Fenech, Daniel Portelli, Marvin Sultana, Steve Cassar, Raymond Caruana u Isaac Bartolo. Minn dawn it-tmien parteċipanti, Daniel Portelli iddomina l-ġurnata b’punti massimi, segwit minn David Mercieca. It-taqtigġa bejn Fenech, Bartolo u Cardona kienet evidenti. B’xorti ħażina Fenech ġarrab ħsarat fil-mutur tiegħu u kellu jirtira mat-tielet “heat”. Għaldaqstant Cardona daħal fit-tielet post f’din il-kategorija.

Il-President tal Gozo Motocross Association, Frank Xuereb qassam prodotti Ravenol sponsorjati minn Galea General Services lir-rebbieħa ta’ kull klassi filwaqt li nġabru l-punti tal-kampjonat 2019.

Gozo Motocross Association tavża li r-raba’ rawnd ta’ dan il-kampjonat se ssir nhar il-Ħadd 20 ta’ Jannar 2018 fit-trakka Ta’ Xħajma. L-attività tibda fis-1pm.

Intant il-Gozo Motocross Association kontinwament tħeġġeġ aktar sewwieqa, speċjalment tfal u żagħżagħ addoloxxenti ħalli jiġu jippartiċipaw f’dawn l-attivitajiet.

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jżur il-paġna ta’ Facebook fuq – https://www.facebook.com/gmagozo/





Leave a comment