- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

It-tielet rawnd mill-Kampjonat ta’ Għawdex

Posted By Sportinmalta On December 13, 2017 @ 2:32 pm In Featured,Motorsport | No Comments

Nhar il Ħadd, 10  ta’ Diċembru 2017, il-Gozo Motorcross Association organizzat it-tielet rawnd mill-Kampjonat sponsorjat mill-Yamaha,  fit-trekk ta’ Xhajma.

Taħt xemx tiżreġ, is-sewwieqa li kienu 20 b’kollox kellhom taqtigħa kiefra minħabba l-elementi tas-sħana u l-arja mimlija trab. Minkejja dan kollu, kull wieħed minnhom ħadem bla heda ħalli f’din ir-rawnd, b’ħila u determinazzjoni sportiva jiksbu kemm jista jkun punti, sew biex iwassalhom għar-rebħ tal-ġurnata kif ukoll iressaqhom b’tama kbira lejn tmiem feliċi tal-kampjonat 2018.

Kienu tlieta l-klassijiet li ddominaw il-ġurnata, Klassi A, B u Ċ.

Fi klassi A rajna lil Etienne Bigeni, Steve Xuereb, Keith Bugeja, Joseph Bigeni u Robert Spiteri jissiltu u jistinkaw biex iżommu posthom fuq quddiem nett tal-klassifika hekk kif kienu mhedda mill-abbilita’ u ħila tas- sewwieqa David Dimech, Stefan Dimech u Kyle Camilleri – tliet sewwieqa Maltin li huma familjari sew mat-trekk ta’ Xhama f’Ghawdex. Infatti David Dimech spiċċa fl-ewwel post segwit minn Xuereb u warajhom daħal Camilleri. Minkejja dan xorta insibu li Bigeni  jibqa fil-quċċata tal-Kampjonat 2018.

Fi Klassi B rajna taqtigħa sħiħa bejn Jorn Stellini, Nataniel Camilleri u Joseph Luke Gauci. Dan tal-aħħar daħal it-tielet filwaqt li Camilleri spiċċa fl-ewwel post segwit minn Stellini. Hawn insibu issa li Camilleri għandu l-akbar ammont ta punti.

Matthew Spiteri, Anthony Fenech u Matthew Buttigieg iddominaw il-klassi C. Sfortunatament Buttigieg ġarrab ħsarat fil-mutur tiegħu tant li kelli jitlef il-punti kollha tal-ewwel heat. F’din il-klassi Fenech, li jinsab fil-quċċata tal-klassifika C, mar tajjeb ħafna u daħal fl-ewwel pożizzjoni, segwit minn Spiteri li ukoll issielet b’abililta kbira. Fit-tielet post daħal il-veteran Mark Camilleri.

Fi tmiem l-avveniment, ir-rebbieħa ġew mogħtija trofew kull wieħed flimkien ma ‘vouchers’ mogħtija minn Ravenol Lubricant Oil.

Il-Gozo Motocross Association tkompli l-kampjonat tagħha Nhar il-Ħadd 14 ta’ Jannar 2017.

L-assoċċjazzjoni tħeġġeġ aktar sewwieqa u dillettanti biex jattendu u jippartecipaw f’dan l-isport.

Għal aktar tagħrif wieħed għandu jżur il-paġna ta’ Facebook Gozo Motocross Association.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/it-tielet-rawnd-mill-kampjonat-ta-ghawdex/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.