It-tielet rawnd mill-Kampjonat ta’ Għawdex

Tuesday, December 17, 2019, 9:56

Nhar il Ħadd li għadda, il-Gozo Motorcross Association (GMA) organizzat it-tielet rawnd mill-Kampjonat sponsorjat mill-Enemed, fit-trekk ta’ Xħajma.

Taħt xemx tiżreġ u f’kundizzjonijiet tajba tat-trekk, is-sewwieqa kellhom taqtigħa ġmielha. Kull wieħed minnhom ħadem bla heda ħalli f’din ir-rawnd, b’ħila u determinazzjoni sportiva jiksbu kemm jista jkun punti, sew biex iwassalhom għar-rebħ tal-ġurnata kif ukoll biex iressaqhom b’tama kbira lejn tmiem feliċi tal-kampjonat 2020.

Kienu erba’ l-klassijiet li ddominaw il-ġurnata, Klassi A, B Ċ u D.

Fi klassi A Steve Xuereb stinka biex żamm postu fuq quddiem nett tal-klassifika hekk kif kien mhedded mill-ħila tas-sewwieq Glenn Vella. Infatti Xuereb spiċċa fl-ewwel post segwit minn Vella .

Fi Klassi B kien hemm taqtigħa sħiħa bejn Robert Spiteri u Daniel Portelli. Dan tal-aħħar daħal it-tieni, tliet punti wara Spiteri. Matthew Buttigieg reġa’ tfaċċa fi klassi Ċ u daħal fit-tielet post. It-taqtigħa bejn Isaac Bartolo u Silvan Caruana ma naqsitx u dan tal-aħħar għadda lil Bartolo b’punt wieħed biss. F’din il-klassi wkoll irritorna Godfrey Bigeni.

Klassi D rat ir-rebħa ta’ Jurgen Attard li ħa punti massimi li wieħed jista jingħata f’din il-kompetizzjoni. Iż-żagħżugħ Mark Camilleri wera progress kbir hekk kif spiċċa fit-tieni post segwit minn Steve Cassar fit-tielet post. Hawnhekk ħa sehem sewwieq ġdid ta’ 17-il sena Luke Caruana.

Fit-tmiem l-avveniment, ir-rebbieħa ġew mogħtija trofew u tifkira sabiħa tal-ħġieġ kull wieħed mis-Sur Anthony Fenech, Direttur ta’ Service with a smile on time. Huwa ta tifkira wkoll lill-Assoċjazzjoni.

Il-Gozo Motocross Association tkompli l-kampjonat tagħha nhar il-Ħadd 12 ta’ Jannar 2020.





Leave a comment