It-tfajliet Maltin U18 jilagħbu għal post fuq il-podju

Friday, August 2, 2019, 17:50

It-tim nazzjonali femminili ta’ taħt it-tmintax-il sena, li qed jieħu sehem fil-Kampjonati Ewropej tal-FIBA Diviżjoni Ċ f’Andorra,  temm il-fażi tal-gruppi fuq nota perfetta bi tliet rebħiet minn daqstant partiti.

Fil-fatt Malta fetħet b’rebħa tajba fuq Monaco 67-29 u l-għada, wara prestazzjoni oħra pożittiva, waslet rebħa ta’ 96-43 kontra Moldova. Fl-aħħar partita fil-grupp, Malta kompliet b’suċċess ieħor, din id-darba rebħa fuq il-pajjiż ospitu Andorra 63-36.

Fis-semifinali li se jintlagħbu s-Sibt 3 ta’ Awwissu, Malta se tiffaċċja lil Georgia li spiċċaw fit-tieni post fil-grupp l-ieħor. Georgia sofrew telfa waħda biss sa issa meta tilfu kontra l-Armenja.

F’Andorra ukoll qed jintlagħbu wkoll il-Kampjonati Ewropej Diviżjoni Ċ maskili fejn hawn it-tim Malti kien fetaħ l-impenji b’rebħa ta’ 82-81 fuq l-Armenja imma mbagħad kellu jbaxxi rasu kontra l-Albanija 67-80 u Ġibilta 59-69. Fl-aħħar logħba mill-gruppi Malta rritornat għar-rebħ b’suċċess ta’ 62-58 fuq San Marino.

B’żewġ rebħiet u telfiet rispettivi it-tim maskili Malti spiċċa fit-tielet post tal-grupp B biex issa jilgħab kontra Moldova (is-Sibt) u Andorra (il-Ħadd) għall-klassifikazzjoni bejn il-ħames u d-disa’ pożizzjoni fil-Kampjonati.





Leave a comment