Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius jinawgura l-proġetti ġodda

Wednesday, May 10, 2017, 13:23

“Il-Gvern żamm kelmtu dwar l-akbar wegħdi fosthom dik li nagħtu attenzjoni mixtieqa lill-kumpless kollu tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Illum qed inkomplu naraw li nwettqu wegħda oħra elettorali – dik li nibnu l-ewwel pixxina msaqqfa fil-pajjiż eżattament fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, proprju fil-qalba tal-Kottonera, biex inkomplu mar-riġenerazzjoni li qed issir fl-inħawi. Dan se jkompli jgħin biex ikollna soċjetà aktar b’saħħitha u atleti moqdijin aħjar”.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius ħabbar dan waqt ċerimonja li fiha ġew varati l-pjanti uffiċjali approvati mill-MEPA tal-ewwel pixxina Olimpika msaqqfa f’pajjiżna fil-preżenza tal-ogħla uffiċjali tal-ASA, tal-clubs tal-waterpolo, u tal-kunsilli lokali u tal-entitajiet tal-madwar, li lkoll se jibbenefikaw direttament minn dan il-proġett.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius spjega li mhumiex biss l-għawwiema u l-players tal-waterpolo li se jibbenefikaw minn dan il-proġett, iżda anke l-qaddiefa tar-Regatta li issa se jkollhom indoor rowing tank.

Fil-fatt, il-Ġimgħa 5 ta’ Mejju kienet ġurnata importanti mhux biss għal SportMalta iżda għall-isport inġenerali u għall-Kottonera għax ninsabu fil-fażi li joħroġ it-tender li bih se jiġi magħżul project management team – team ta’ esperti li se jwassal dan il-proġett għat-tlestija tiegħu.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar ta deskrizzjoni viżiva tal-proġett u spjega li l-identifikazzjoni tal-art ma kinitx faċli peress li kienet titlob spazju kbir. Kien għalhekk li ġie identifikat sit li diġà jintuża għall-isport u li jagħmel il-Kumpless tal-Kottonera wieħed komplet. Il-proġett hu stmat li jiswa 6 miljun ewro u hu maħsub li jkun lest fi-tielet sena mill-bidu tiegħu.

Il-proġett se jkun simili għall-proġett tal-Kappara għax il-pixxina se tinbena f’partijiet li wara se jkunu amalgamati fuq il-post. Il-pixxina se taħdem b’makkinarju tal-ogħla livell teknoloġiku u se jiġi żgurat li l-ambjent tal-madwar ikun protett. Il-pixxina se jkollha erba’ changing roomsstores, kamra għall-media u anke triq taħt l-art għal ġestjoni aħjar tat-traffiku fil-kumpless, filwaqt li l-parkeġġ ħa jiġi rranġat biex ma jinħoloq l-ebda inkonvenjent fiż-żona.

Iċ-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil ta rendikont tal-ħidma tal-entità sa mill-bidu tagħha.  Qal li tant kbirna fil-parteċipazzjoni li l-bżonn ta’ aktar faċilitajiet hu fuq l-aġenda tal-entità. Spjega li SportMalta hi l-katalist ewlieni biex in-nies jagħmlu aktar attività fiżika, għalhekk kampanji bħal ‘Now We Move’ u ‘Be Active’ se jkomplu jiżviluppaw.

Fl-istess attività ġiet varata l-applikazzjoni l-ġdida ta’ ‘Summer on the Move’ – il-programm  tas-sajf ta’ SportMalta li se jibda fl-10 ta’ Lulju u se jispiċċa fl-10 ta’ Settembru. Wieħed jista’ japplika online fuq is-sit www.sportmalta.org.mt jew billi jiġbor l-applikazzjoni mill-kumplessi kollha ta’ SportMalta. L-applikazzjonijiet qed jitqassmu wkoll fl-iskejjel Maltin u Għawdxin.

Saru wkoll preżentazzjonijiet taċ-ċekkijiet lid-distretti kollha parteċipanti fir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien u tħabbar li mill-edizzjoni li jmiss il-premji kollha li se jingħataw se jiżdiedu b’10%. Għall-ewwel darba wkoll mill-edizzjoni ta’ Settembru se jingħataw premji lil min jiġi l-ewwel, it-tieni, u t-tielet f’Kategoriji A u B rispettivament. Sa issa, min jirbaħ ir-Regatta ma jieħu l-ebda premju finanzjarju ħlief ix-shield.





Leave a comment