Ir-Rugby sa fl-aħħar b’art li ilha imwedgħa‏

Sunday, February 10, 2013, 13:33
Pajjiżna se jibda jikteb kapitlu ġdid tar-rugby u l-isport f’pajjiżna. Dan hekk kif ġie ffirmat ftehim bejn il-Kunsill Malti għall-isport u l-Malta Rugby Football Club, ftehim b’investiment ta’ €7.3 miljun fejn il-KMS għadda sit f’Għajn Dwieli sabiex jiġi żviluppat għar-rugby.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi sostna dan qabel ma ġie ffirmat dan il-ftehim li jixhed l-impenn tal-Gvern lejn ir-rugby u t-tkattir ta’ kultura sportiva. Hawnhekk semma’ kif il-pakkett finanzjarju li ġie nnegozjat għal Malta mas-26 pajjiżi membru tal-Unjoni Ewropea, se jintuża ukoll għall-qasam sportiv.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ u l-isport Clyde Puli spjega kif dan il-ftehim jgħid ukoll li għal 25 sena li ġejjin, l-MRFU se jkun qed juża l-pitches tal-Marsa u jinbnew faċilitajiet ġodda.
Għal Neil Galea, is-Segretarju Ġenerali tal-MRFU, l-iffirmar tal-ftehim ifisser pass importanti għal dan l-isport f’pajjiżna, fejn dan is-sit se jsir ċentru rikreattiv anke għall-komunita’ tal-Kottonera.
Preżenti għal din l-okkażjoni kien il-Ministru Jason Azzopardi li għen sabiex dan is-sit jgħaddi għall-Malta Rugby Football Union.




Leave a comment