Ir-referi Elite Trustin Farrugia Cann flimkien mal-assistenti referis Jurgen Spiteri u David Castillo, ġew preżentati b’Diploma mill-UFEA

Friday, October 31, 2014, 13:00

Nhar l-Erbgħa 8 t’Ottubru 2014 ġewwa l-kwartieri tal-UEFA f’Nyon, l-Isvizzera, ir-referi Elite Trustin Farrugia Cann flimkien mal-assistenti referis Jurgen Spiteri u David Castillo, ġew preżentati b’Diploma wara li temmew b’suċċess il-kors edukattiv CORE (Centre of Refereeing Excellence).

 

Wara li bejn it-18 u s-27 ta’ Marzu 2014 it-tliet uffiċjali Maltin kienu attendew kors ta’ introduzzjoni, għal ftit aktar minn 6 xhur huma kienu segwiti mill-qrib mill-kowċ tar-referis Rune Pedersen (in-Norveġja), il-kowċ tal-assistenti referis Goggen Holen (in-Norveġja) u l-kowċis tal-preparazzjoni fiżika Simon Breivik (l-Ingilterra) u Herbert Barr (l-Irlanda ta’ Fuq).

 

Il-parteċipazzjoni ta’ Trustin Farrugia Cann, Jurgen Spiteri u David Castillo fil-kors ta’ konsolidazzjoni li sar bejn it-2 u d-9 t’Ottubru 2014 ikkonfermat il-progress li t-tliet uffiċjali Maltin kisbu teknikament u fiżikament. It-tħejjija tagħhom kienet mill-aktar professjonali u r-rapport tal-UEFA dwar il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-kors edukattiv jindika b’mod ċar li t-tliet uffiċjali Maltin għandhom it-talent meħtieg sabiex jimxu aktar ’il quddiem fil-karriera tagħhom.

 

Waqt il-kors ta’ konsolidazzjoni, nhar is-Sibt 4 t’Ottubru 2014 huma kellhom ukoll l-opportunità li jikkontrollaw partita mir-raba’ Diviżjoni tal-Kampjonat Franċiż ġewwa Grenoble bejn D’Echirolles u Aix FC (0-0).





Leave a comment