Ir-Rebbieħa tal-Isportivi Nazzjonali jiltaqgħu mal-President ta’ Malta

Monday, March 11, 2019, 8:39

Nhar il-Ħamis 7 ta’ Marzu waranofsinhar ir-rebbieħa tad-59 edizzjoni tal-Isportivi Nazzjonali kienu mistiedna l-Palazz San Anton sabiex jiġu ppreżentati lill-E.T. il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Jakkumpanjaw lil dawn l-atleti kien hemm iċ-Chairman tal-Kumitat Organizattiv u Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar kif ukoll il-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Sandro Micallef u Lorraine Cunningham.

Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kordjali kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaż-Żagħżagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat l-Onorevoli Clifton Grima u l-kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Isport l-Onorevoli Ryan Callus.

Kemm Mark Cutajar kif ukoll Sandro Micallef irringrazzjaw lil-President talli sabet il-ħin li tiltaqa ma’ dawn ir-rebbieħa li onoraw lil Malta bis-suċċessi sportivi tagħhom u li l-akkwisti tagħhom kienu rikonoxxuti bl-unuri li rebħu waqt is-serata finali ta’ l-Isportivi Nazzjonali.

SportMalta u l-Għaqda Ġurnalisti Sport ħadu wkoll l-okkażjoni jirringrazzjaw lill-E.T. Marie Louise Coleiro Preca talli inkludiet l-isport fl-attivitajiet organizzati mill-Malta Community Chest Fund u filwaqt li speraw li dawn l-attivitajiet jibqgħu jiġu organizzati urew id-disponibilta li jagħtu l-istess għajnuna lis-suċċessur tagħha.





Leave a comment