Ir-Rainbows ipoġġu lill-Furjaniżi f’aktar inkwiet

Sunday, August 25, 2013, 9:58

minn Robert Busuttil


Tarxien …………2

Floriana…………1


Żewġ gowls Tarxiniżi, wieħed f’kull taqsima, taw l-ewwel rebħa lir-Rainbows filwaqt li poġġew lil Floriana f’aktar inkwiet tal-klassifika hekk kif jinsabu fl-aħħar post b’-5 ta’ punti.

L-ewwel minuti kienu tal-marka Furjaniża hekk kif il-gowler Tarxiniż Nicky Vella ħtieġlu jsalva darbtejn fuq Daniel Bogdanovic u Diego Pinheiro.

Minkejja kollox fit-13 –il minuta kienu Tarxien li rnexxielhom jiftħu l-iskor. L-eks Slimiż LUCA MARTINELLI fajjar xutt angulat li ma ta l-ebda ċans lil Daniel Hanford isalva sabiex poġġa lill-partitarji Tarxiniżi f’ferħ bla tarf.

Hawnhekk il-logħba baqgħet tkun pjaċevoli biż-żewġ timijiet ikomplu joħolqu aktar azzjonijiet lejn il-lasti avversarji.

Fil-71 minuta, Tarxien Rainbows irduppjaw l-iskor meta RONAILLE CALHEIRA wettaq azzjoni personali qabel ma spara xutt lejn il-lasti Furjaniżi li ħabat ma’ sieq il-lasta qabel ma eventwalment spiċċa fix-xibka.

Dan il-gowl qata’ xi ftit saqajn il-Furjaniżi għalkemm xorta ma qatgħux qalbhom sabiex fis-77 minuta kross mil-lemin ta’ Igor Coronado sab lil DIEGO PINHEIRO li b’xutt mill-ewwel ħasad lil Nicky Vella sabiex naqqas l-iskor għat-tim tiegħu.

Hawnhekk Floriana għafsu l-pedala tal-gass biex ħolqu diversi okkażjonijet iżda sabu lil Nicky Vella f’vena mill-aqwa li laqa’ kull ma ġie għall-idejh sabiex żamm ir-riżultat sal-aħħar u kkontribwixxa għat-tliet punti Tarxiniżi.





1 Comment

  1. R says:

    Bye bye furjanaaaaaaaa 

    [Reply]

Leave a comment