Ir-Raba’ Rawnd tal-Yamaha Gozo Motocross Championship 2018

Tuesday, January 16, 2018, 8:05

Il-Gozo Motocross Association (GMA) organizzat ir-raba’ rawnd mill-kampjonat tagħha, nhar il-Ħadd 14 ta’ Jannar 2018. Il-kompetizzjonijiet bdew fis-1pm.

L-atmosfera kienet waħda drammatika hekk kif mhux inqas minn għoxrin sewwieq ikkompetew flimkien f’atmosfera ta’ emozzjoni u ħafna antiċipazzjoni filwaqt li numru sabiħ ta’ spettaturi segwew l-avveniment b’attenzjoni kbira.

Fi Klassi A rajna ċ-ċampjin renjanti tal-Kampjonat f’Malta, Clayton Camilleri jidħol fit-tielet post. David Dimech, bil-Honda CRF 450cc spicca t-tieni u fl-ewwel post iddomina Kyle Camilleri. Is-sewwieqa ta’ din il-klassi għamlu ħilitom kollha biex jakkwistaw kemm jistgħu punti, sew ghal kompetizzjoni tal-lum kif ukoll għall-kampjonat. It-tmiem kien wieħed kemmxejn imprevidibbli hekk kif Steve Xuereb, Robert Spiteri,  Keith Bugeja, Stefan Dimech U Etienne Bigeni taw wirja mill-isbah hekk kif ilkoll issieltu b’ħila liema bħalha u b’determinazzjoni u stamina mill-aqwa. Infatti, Xuereb spiċċa fir-raba post, b’punt wieħed biss wara Camilleri. Sfortunatament Joseph Bigeni kellu jieqaf minħabba ħsara fil-mutur tiegħu.

Nataniel Camilleri, fi klassi B, wera ħila liema bħalha hekk kif fuq il-mutur tiegħu, akkwista punti massimi tal-ġurnata. Warajh daħal Matthew Zammit fuq Yamaha YZF 250cc segwit minn Jorn Stellini fit-tielet post.F’din il-klassi wkoll ikkompeta il-veteran Malti, Lewis Debono.

Fi klassi Ċ, rajna  lil Anthony Fenech li għal darboħra spiċċa fl-ewwel post. Il-veteran Mark Camilleri daħal fit-tieni post segwit minn Matthew Spiteri. Steve Cassar, Raymond Caruana u Emma Xuereb ukoll taw wirja tajba f’din il-kategorija.

Il-president tal-għaqda premja trofej lir-rebbieħa tal-ġurnata, bis-sapport ta’ ‘Service with a smile on time, tiles, plastering and gypsum’, filwaqt li nġabru l-punti għall-kampjonat.

Il-GMA tħabbar li l-avveniment li jmiss huwa FUNRACE li ser tkun Nhar il-Hadd 28 ta’ Jannar 2018. F’din il-ġurnata, is-sewwieqa tat-tliet klassijiet ser ikunu imqassma f’kategoriji  differenti minn tas-soltu. Ser tiġi organizzata wkoll klassi għall-muturi 125cc fejn sewwieqa veterani huma wkoll mistiedna jippartecipaw f’din il-kategorija. L-għaqda tħeġġeg lit-tfal u adolloxxenti biex jippreparaw il-muturi tagħhom għax ser ikun hemm tiħrija għalihom biss.

L-għaqda dejjem tħeġġeġ aktar sewwieqa ġodda biex jingħaqdu magħha ħalli jgawdu dan l-isport li sar ferm popolari fil-gżira Għawdxija.





Leave a comment