Intervista mal-Kav. Simon Bonello, President tal-Federazzjoni Maltija tal-Lotta

Tuesday, November 13, 2012, 12:30

minn Stephen Azzopardi 

Żgur li xi darba jew oħra fuq it-televixin ġieli rajna lil Hulk Hogan, The Undertaker, Ray Misterio u oħrajn li jagħmlu parti mill-World Wrestling Federation (WWF).  L-isport tal-Lotta li hu magħruf bhala Olympic Freestyle Wrestling, hu kompletament differenti minn dak tal-WWF.  Fl-ewwel wieħed naraw hafna reċtar u ġieli jkun fih daqqiet xejn kumplimentużi.  Izda fejn tidħol il-lotta f’pajjiżna, kemm ilha mwaqqfa l-Federazzjoni Maltija tal-Lotta kien hemm żewġ lottaturi biss li weġġghu f’dan l-isport.

 

Fit-8 ta’ Diċembru 2012, se jiġi organizzat Tornew Internazzjonali tal-Lotta fl-iskola sekondarja tan-Naxxar.  Għal dan il-għan iltqajt mal-President tal-Federazzjoni Maltija tal-Lotta, il-Kav. Simon Bonello fejn flimkien tkellimna dwar dan it-tornew u l-isport tal-Lotta.

 

Il-Federazzjoni Maltija tal-Lotta taf il-bidu tagħha fl-1969 mill-Kav. Simon Bonello li għal dawn it-43 sena serva u ghadu jokkupa l-kariga ta’ President.  Kollox beda meta l-Kav. Bonello fl-1948, ġiet f’idejh rivista dwar l-Olimpjadi li kienu saru f’Londra f’dik is-sena.  Din l-edizzjoni kienet l-ewwel waħda wara t-Tieni Gwerra Dinjija.  Fost l-oħrajn, kien hemm paġna shiha li kienet tittratta dwar il- lottatur Tork Koca Yusuf, imlaqqam bħala The Terrible Turk. F’dik is-sena Koca Yusuf kien rebah bhala l-aqwa lottatur tas-sena.  Bonello baqa’ affaxinat minnu u baqa jsegwieh u beda jiżdied l-interess f’dan l-isport.  Maż-żmien imbagħad beda jġib ukoll diversi kotba minn barra minn Malta dwar l-isport tal-Lotta.  Sa fl-aħħar wara li l-Kav. Bonello ngħaqad ma’ martu Grace permezz tas-Sagrament taż-Żwieġ, beda jharreġ lil ħu l-mara tiegħu Louis fil-Lotta.  Ingħaqdu wkoll diversi żghażagh ohra mill-Gudja u b’hekk f’Malta kellna l-ewwel tim tal-Lotta.  Il-quddiem twaqqfu timijiet fil-Marsa u f’Tas-Sliema.

 

Ta’ min jgħid li f’dawn l-aħħar snin, f’kull laqgħa ġenerali l-Kav. Bonello dejjem talab ghar-riżenja imma l-kumitat baqa’ jikkonfermah f’din il-kariga.  Matul is-snin dejjem kellu kuntatti tajbin ma’ federazzjonijet internazzjonali u ltaqa’ mill-qrib ma’ diversi presidenti. Bonello għamel ukoll 4 snin bhala Viċi President tal-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Malti u kien responsabbli għas-sezzjoni taz-żghażagh fil-kariga ta’ Direttur.

 

Il-Federazzjoni Maltija tal-Lotta hija affiljata mal-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Malti, mal-Federazzjoni tal-Commonwealth u mal-International Amateur Wrestling Federation.

 

Tul is-snin Malta ħadet sehem fl-Olimpjadi, fil-logħob tal-pajjiżi membri fi ħdan il-Commonwealth, fil-logħob tal-pajjiżi li jinsabu fil-Mediterranean, fil-Military Wrestling Championship u fil-kampjonati dinjija.  Malta ħadet sehem ukoll f’diversi tornej internazzjonali, fosthom, il-Coppa Italia, il-Kampjonat tal-Mediterran, it-Tazza tal-Gran Brittanja u ghal bosta snin fit-Tornew Internazzjonali li kien isir Sqallija.  Ta’ min jgħid li l-Maltin fi Sqallija kkwalifikaw fit-tieni post.  L-aktar atleta Malti li kiseb suċċess kien Jesmond Giordimagna li kien gie fl-14 il-post minn 36 pajjiz partecipanti.  Illum Jesmond Giordimagna huwa l-kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-Lotta.

 

Fi ħdan il-Federazzjoni Maltija tal-Lotta hemm 3 klabbs b’madwar 60 atleta.  Dawn huma Naxxar Boys’ Seconday School, De La Salle College, Qawra Wrestling Club.  Qawra introducew is-sezzjoni femminili.  Fil-fatt bħalissa għaddejjin arranġamenti biex isir kampjonat għan-nisa u ieħor ghat-tfal sew subien u anki bniet.

 

Bħalissa l-Federazzjoni Maltija tal-Lotta qed tiffoka fuq il-kampjonati li jsiru f’Wales, fl-Irlanda u fl-Ingilterra.  Din is-sena, il-lottaturi Maltin kisbu suċċessi f’April f’Wales ġewwa Cardiff  u f’Awwissu fl-Ingilterra ġewwa Bradford.  Ix-xahar id-dieħel se jiġi organizzat f’pajjizna il-Malta International Open Championships.  Flimkien ma’ Malta se jiehdu sehem Wales u l-Irlanda ta’ Fuq  minflok l-Ingilterra.  Sakemm ikunu hawn il-partecipanti se jkunu qed jieħdu sehem f’training camps.  Fl-aħħarnett il-partecipanti kollha bil-familjari tagħhom li jkunu akkompanjaw jiġi organizzat lilhom riceviment kif jixraq  fis-sala fejn se jsir il-Malta Open.

 

Fejn jidħlu l-finanzi, il-Federazzjoni Maltija tal-Lotta tibbaza fuq il-menswalita tal-membri u fondi mingħand il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Malti, Il-Kunsill Malti tal-Isport u l-Gvern Malti ma jagħtu l-ebda għajnuna finanzjarja.  Il-lottaturi huma purament mhux professjonali u ma jitħallsux.  Ta’ min jgħid li fl-imgħoddi ghal 6 snin, il-Federazzjoni Maltija tal-Lotta kienet torganizza kampjonat għal pajjizi żghar u reġjuni li għandhom popolazzjoni ta’ anqas minn 5 miljuni.

 

Filwaqt li nirringrazzjaw lil Kav. Simon Bonello għad-disponibbilta tiegħu u li laqgħani fl-ufficji tal-Federazzjoni Maltija tal-Lotta, nawguraw aktar suċċessi lil dawn l-atleti Maltin.

 

 

 





Leave a comment