Inressqu l-iskemi qrib l-isportivi

Friday, March 11, 2016, 12:54

Gavin Muscat

Il-Gvern jemmen li l-isport huwa tassew fundamentali biex ikollna poplu fiżikament aktar b’saħħtu. Sportmalta introduċiet libsa ġdida għall-skema, li kienet taqa’ taħt l-ospiċi tal-Ministeru tal-Finanzi, sabiex għaqdiet sportivi rikonoxxuti, u li ma jaħdmux għal skop ta’ qligħ ikunu jistgħu jingħataw għotja fuq spejjeż kapitali li jagħmlu fil-faċilitajiet sportivi.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius qal li l-Gvern permezz ta’ SportMalta qed jimxi fuq il-qawl Ciniż li jkun ferm aħjar li lil dak li jkun tagħtih il-qasba u tgħallmu jistad milli tagħtih ħuta biex jikolha, għax il-ħuta jikolha u jaqta’ l-ġuħ għal ftit ħin u wara jerġa’ fl-istess problema. Hu sostna li, anke mill-esperjenza tiegħu bħala amministratur sportiv, jaf li s-salvazzjoni għal bosta klabbs hija li jkunu awto-suffiċjenti u l-Gvern qed jaħdem sabiex jagħti l-għodda neċessarja lill-amministraturi fejn riċentement nieda white paper dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi u issa ressaq din l-iskema lejn l-amministraturi sportivi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, stqarr li jinsab kuntent bil-kollaborazzjoni tal-għaqdiet ma’ SportMalta u bil-parteċipazzjoni tagħhom għal kull okkażjoni li fiha dawn jiġu imsejħa jipparteċipaw. Dan ifisser li l-messaġġ ta’ SportMalta qed jasal. Huwa reġa stieden lill-assoċjazzjonijiet biex bi ħġarhom jipparteċipaw għal wieħed mill-akbar avvenimenti sportivi li ser tkun qed torganizza SportMalta, National Sport Forum, li se ssir f’April.

Dr. Luciano Busuttil, Ċermen ta’ SportMalta qal li dan huwa eżempju ieħor ta’ kif qed inressqu l-iskemi viċin l-amministratur, sabiex dejjem nassistu l-assoċjazzjonijiet u b’hekk nkomplu inkabbru l-isport f’Malta u nkunu ta’ sostenn serju lil dawn l-għaqdiet fejn ħafna drabi l-entużjażmu huwa kbir imma l-finanzi jkunu ta’ piż li jxeklu it-tkabbir tal-isport inniffsu.

Dr. Karen Zammit Southernwood, Kap tat-Taqsima Regolatorja, spjegat li l-iskema l-ġdida tapplika għall-infiq li jsir fuq il-valur ta’ spejjeż kapitali minn għaqda sportiva liema xogħlijiet ta’ natura kapitali relattivi jkunu saru mid-data effettiva jew wara matul it-terminu tal-iskema. Għaqda sportiva hija eliġibbli għal għotja waħda biss konnessa ma’ proġett fl-istess faċilità sportiva.

Applikanti li jikkwalifikaw jistgħu japplikaw għal għotja waħda biss ta’ 15.25% fuq il-valur ta’ spejjeż kapitali eliġibbli li jkunu tħallsu kollha. Fl-eventwalita’ illi Sportmalta iġġedded din l-iskema fi snin sussegwenti, benefiċjarji taħt din l-iskema jistgħu ikunu eliġibbli biex japplikaw jekk il-proposti tal-applikant ikun meqjusa minn Sportmalta bħala proġett ġdid.





Leave a comment