Inizjattivi sabiex ir-Regatta terġa tikber fil-popolarita’

Thursday, March 29, 2012, 13:11

minn Sandro Micallef

Il-Preżentazzjonijiet tal-paljijiet u tat-Tazzi flimkien mal-preżentazzjoni finali tax-Shield tar-Reserves u tal-Open se jkunu qed isiru fuq palk apposta li se jkun qed iħares lejn il-partitarji. Din hi waħda mill-inizjattivi l-ġodda li qed jieħu l-Kunsill Malti għall-iSport sabiex jipprova jerġa’ jżied il-popolarita’ tar-Regatta.

Dan ġie kkonfermat waqt konferenza stampa organizzata fuq il-moll tax-xatt tal-Belt Valletta minn fejn il-pubbliku se jkun jista’ jsegwi r-Regatta ta’ nhar isSibt li ġej 31 ta’ Marzu fir-Regatta magħrufa bħala ta’ Jum il-Ħelsien.

Margeret Mercieca responsabbli mill-organizazzjoni tar-Regatta qalet li f’din ir-Regatta se jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ sitt Clubs Marsa, Marsamxett, Birgu, Bormla, Isla u Kalkara. Hi spjagat li Birżebbugia mhux se jkunu qed jipparteċipaw għaliex skond dan il-Club huma kien qed ikollhom diffikultajiet waqt it-taħriġ sabiex ivaraw id-dgħajjes mill-maħżen li għandhom fil-Belt. Birzebbugia informaw lill-KMS li ma kienux se jipparteċipaw biss fis-16 ta’ Marzu permezz ta’ email.

Merceica qalet li se jkun hemm madwar 120 qaddief li se jieħdu sehem f’din ir-Regatta u l-iktar wieħed kbir fl-eta se jkollu 54 sena u l-iżgħar (aparti t-tmuniera tal-frejgatini) se jkollu 15 -il sena.

L-organiżattriċi tar-Regatta ta’ din is-sena li għandha l-għajnuna wkoll tat-team tal-events tal-KMS spjegat li r-Regatta tiswa’ madwar €30,000 lill-KMS li minnhom 50% bi pjaċir il-KMS itihom direttament lill-Clubs f’sussidji fejn jingħataw madwar €15,000 direttament lil Clubs.

Din is-sena l-pubbliku se jkun jista’ jsegwi l-għaxar tiġrijiet mill-mollijiet 4 u 5 u n-nies se tkun iktar viċin  il-finish line. Ovvjament il-partitarji tal-Isla jibqgħu jinżlu bi ħġarhom il-Ponta u jsegwu l-andament minn hemm. Għal sena oħra se jerġa jkun hemm aġġornamenti live wara kull tiġrija fuq is-sit tal-KMS www.sportmalta.org.mt kif ukoll compare li se jispjega l-andament tal-ġurnata fejn jagħti l-punteġġi, l-ismijiet tal-qaddiefa u min ikun ħa l-punti wara kull tiġrija.

Minn din il-konferenza stampa ħareġ biċ-ċar li Bertie Muscat li ilu jokkupa diversi karigi għolja f’Malta u barra minn pajjiża fuq skala sportiva internazzjonali (Deputy Chairman KMS) mhux se jibqa’ jkun Chief Judge tar-Regatta u issa postu se jieħdu b’mod defenittiv Silclair Cassar li diġa’ serva ta’ Chief Judge fl-aħħar Regatta ta’ Settembru 2011.

Mistoqsija jekk il-KMS fl-aħħar ġimgħat kienx jiltaqa’ mal-Għaqda Regatta Nazzjonali jew mal-Clubs, Mercieca qalet li kienet deċiżjoni għaqlija li dejjem il-laqgħat saru b’kulħadd mistieden fejn kulħadd ikun preżenti f’daqqa.

Novita’ ġdida oħra li tirrigwardja iktar il-qaddiefa hi li t-tluq se jibda jsir bil-bandiera u daqshekk bit-tir.

Bernard Vassallo iċ-Chairman tal-KMS ikkonferma li għal sena oħra l-KMS kien se jgħin finanzjarjament lill-Għaqda Regatta Nazzjonali sabiex torganizza r-Regatta ta’ taħt it-18 -il sena.

Hu finalment tenna li l-għan prinċipali għar-regatta ta’ din is-sena hi li tkun edizzjoni Family Freindly Event bil-ħsieb li iktar nies ikunu viċin l-attivita’ bil-għan li tkompli titkabbar u tiġġedded din it-tradizzjoni sportiva.

Għal sena oħra r-Regatta mhux se tkun qed tixxandar diretta fuq ebda stazzjon tat-TV imma kif dejjem għamlu TVM u anke One se jipproduċu programmi b’edizzjoni speċjali bl-aħjar siltiet tar-Regatta.

Dan is-sit www.sportinmalta.com se jkun qed jaġġorna dak kollu li jkun għaddej nhar is-Sibt waqt ir-Regatta b’diversi ritratti u videos b’rappurtaġġ dettaljat.





Leave a comment