- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

INĦABBTUHOM GĦALL-ISTRINA 2017

Posted By Sportinmalta On December 14, 2017 @ 9:55 am In Featured,Motorsport | No Comments

Nhar il-Ħadd 17 ta’ Diċembru 2017 l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi ħa torganizza l-attività speċjali li ssir kull sena fi żmien il-Milied. Bħal snin preċedenti l-attività tiġi mtella’ biex jinġabru fondi għall-ISTRINA. F’din l-24 edizzjoni ta’ din l-attività, fil-programm tal-ġurnata sejrin naraw is-sezzjoni Autocross bir-raba’ program mill-Kampjonat Nazzjonali ASMK Pasta Poiatti 2017/2018 u l-Muturi Motocross li ser itellgħu attività Fun Race. Il-programm tal-ġurnata jibda fit-tmienja ta’ filgħodu bil-Muturi u l-karozzi jsegwu mill-għaxra ta’ filgħodu. Il-programm mistenni jispiċċa bid-Demolition Derby li tibda għall-ħabta tat-3:30pm.

Għalkemm il-kompetituri tad-Demolition qed isibuha diffiċli ħafna li jixtru karozzi qodma għal dan l-avveniment tad-Demolition li jittella’ darba fis-sena, 42 kompetitur irreġistraw għal din il-kompetizzjoni. Ghalkemm nofs is-sewwieqa huma ġodda in-nofs l-ieħor huma sewwieqa li ssoltu jieħdu sehem f’din il-logħba. Għaldaqstant f’din l-edizzjoni huwa iktar diffiċli li jkun previst min sa jkun ir-Rebbieħ u ir-Runner-Up tiegħu. Għalkemm il-ħbit bil-karozzi hija l-irwol ta’ din il-logħba is-sewwieqa għadhom regoli ta’ ‘sigurtà speċjali’ x’josservaw sabiex jitħares is-saħħa tas-sewwieqa kollha. Ir-Regoli preventivi għal din il-logħba jridu jkunu osservati mis-sewwieqa kollha matul u sal-aħħar tad-Derby Derby. Filwaqt li l-Assocjazzjoni tieħu l-prekawzjonijiet kollha meħtiega biex dan iseħħ.

Intant tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda impenjattiva għall-Assoċjazzjoni fejn nhar il-Ġimgha 8 ta’ Diċembru 2017 fil-Kumpless Sportiv f’Ta’ Qali ġiet organizzata it-tielet attività mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2017/2018.

Fi Klassi A ir-rebbieħ ta’ din il-klassi kien Clayton Camilleri fuq muturi KTM. Dan kien segwit min ħuh Kyle Camilleri ukoll fuq mutur KTM. Fit-tielet post spiċċa Paul Muscat fuq mutur Husqvarna filwaqt li fir-raba’ post spiċċa David Dimech fuq mutur Honda.

Fi Klassi B rajna lil James Zahra fuq Sherco jirbaħ din il-klassi segwit minn Bernard Sammut fuq mutur Beta. Fit-tielet post spicca Brandon Slowe fuq mutur Honda filwaqt li fir-raba’ post daħal Daniel Inguanez fuq mutur Honda.

Fil-Klassi Veterans Paul Deguara fuq mutur KTM iddomina u rebaħ din il-klassi segwit minn sewwieq Għawci Robert Spiteri fuq mutur Yamaha. Fit-tielet post spiċċa Daniel Bonnici fuq mutur KTM filwaqt li fir-raba’ post daħal Andrew Cassar li wkoll ikkompeta b’mutur KTM.

L-Attivitajiet komplew il-Ħadd 10 ta’ Diċembru 2017 fil-Barriera tal-Magħlaq Limiti tal-Qrendi. Hawn ġiet orgnaizzata it-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Wotomoto Enduro 2017/2018 fejn b’kollox ħadu sehem 20 kompetitur maqsuma fi tliet klassijiet.

Fi Klassi A Bernard Sammut fuq mutur Beta rebaħ din il-klassi kif ukoll it-tiġrija overall b’ħin ta 5 minuti 57.089 sekondi segwiet minn James Zahra fuq mutur Sherco b’ħin ta 5 minuti 58.701 sekondi waqt li fit-tielet post spiċċa Joseph Scicluna fuq KTM b’ħin ta’ 6 minuti 4.418 sekondi.

Fi Klassi B George Schembri fuq KTM rebaħ din il-klassi b’ħin ta’ 6 minuti 33.557 sekondi segwit minn Gabriel Muscat fuq KTM b’ħin ta’ 6 minuti 53.052 sekondi. It-tielet post intrebaħ minn Clayton Schembri fuq KTM b’ħin ta 7 minuti 5.819 sekondi.

Fi Klassi C rajna lil Kurt Muscat fuq Yamaha jirbaħ din il-klassi b’ħin 10 minuti 17.795 sekondi. Miegħu kellu lill Keith Baldwin fuq Beta u Clovert Abela fuq KTM li ma spiċċawx it-tiġrija minħabba ħsara teknika fil-muturi.

Iktar informazzjoni wieħed jista jsibha wkoll fis-sit elettroniku tal-Assocjazzjoni www.asmk.org.mt jew fil-paġni tal-Facebook  A.S.M.K. Malta jew Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi. Wieħed jista jagħmel kuntatt bl-email li hu info@asmk.org.mt

ASMK’s Demolition Derby Promo

Ritratti ta’ Mario Micallef


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/inhabbtuhom-ghall-istrina-2017/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.