Inawgurati Faċilitajiet ġodda fil-Junior College

Friday, November 16, 2012, 12:26

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina inawgurat faċilitajiet sportivi ġodda fil-Junior College, b’investiment ta’ aktar minn €500,000.

 Għall-inawgurazzjoni kienu preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli, ir-Rettur tal-Università Juanito Camilleri u l-Pro Rettur Mary Ann Lauri u l-Prinċipal tal-Junior College, Joe Sciriha.

 F’diskors qasir li għamel is-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u l-Isport Clyde Puli, saħaq li matul din il-leġiżlatura l-Gvern għamel 34 grawnd tal-football ġdid, bil-għan li aktar tfal u żgħażagħ jersqu lejn l-isport u l-attività fiżika bħala parti mill-istil ta’ ħajja tagħhom.

 Clyde Puli qal li l-Gvern qed jinvesti wkoll f’faċilitajiet sportivi fl-iskejjel u f’istituzzjonijiet edukattivi oħra tal-istat għaliex jemmen fil-valuri tal-isport. Hu qal li f’dawn l-aħħar 4 snin il-Gvern investa mat-€33 miljun fi skejjel ġodda li €7 miljun minnhom kienu f’faċilitajiet sportivi.  

 Is-Segretarju Parlamentari tenna li l-isport huwa forma oħra ta’ divertiment għaż-żgħażagħ u fl-istess ħin jgħin liż-żgħażagħ fil-formazzjoni tal-karattru u l-iżvilupp ħolistiku tagħhom.

 Il-Ministru Cristina qalet li l-investimetn kbir fil-qasam sportiv hu maħsub biex barra milli jippromwovu l-isport bħala valur fih innifsu, joffri opportunità lill-pubbliku biex juża dawn is-servizzi anke għall-ġid tiegħu nnifsu u jgħix ħajja aktar b’saħħtiha.

 Irridu nagħtu importanza lill-isport sa minn età żgħira.  Għalhekk fl-iskejjel tagħna qed nibnu faċilitajiet sportivi u se nagħtu importanza akbar lill-edukazzjoni fiżika u l-isport fil-kurrikulu nazzjonali. 

 Is-sistema edukattiva tagħna qed nibdluha biex tiżviluppa l-potenzjal kollu tat-tfal tagħna u tagħmilhom ċittadini tajbin u b’saħħtihom. Hemm tfal li għandhom talenti oħra, fosthom talenti fl-isport li rridu ngħinuhom ikompli jiżviluppawhom.

 Biex inkomplu nħajru aktar persuni jieħdu l-isport b’aktar serjetà f’Ottubru nfetħet Skola tal-Isport li l-istudenti li jmorru fiha barra t-tagħlim akkademiku għandhom ħin aktar dedikata għall-prattika tal-isport.

 Il-Gvern introduċa wkoll Boroż ta’ Studju fl-Isport u din is-sena ngħataw 14-il scholarship lil min irid ikompli jistudja f’dan il-qasam jew jipperfezzjona f’xi dixxiplina sportiva.

 Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qalet li l-faċilitajiet sportivi fil-Junior College jagħtu lok għal prattika ta’ diversi dixxiplini sportivi. 

 Il-Gvern hu impenjat li jkompli jinvesti fl-isport għax jemmen li dan hu investiment biex ikollna pajjiż b’saħħtu. Il-Ministru awgurat li dawn il- faċilitajiet sportivi jitgawdew kemm jista’ jkun billi jsir użu għaqli minnhom u jservu biex aktar persuni li jagħżlu stil ta’ ħajja b’saħħitha.

 

 

 

 

 

 





2 Comments

  1. KBorg says:

    tinduna li gejja elezzjoni

    [Reply]

  2. E Vella says:

    prosit tassew tal-investimenti li qed isiru. hija hasra li hemm Head Mistresses li mhux qed jaghtu l-100% biex dawn l-iskopijiet jirnexxu kif suppost. fl-iskola tal-Higher Secondary tan-Naxxar, il-gates tal-iskejjel qeghdin jinzammu maghluqin (wara 4pm u fil-weekends) u ghalhekk tfal zghar li qeghdin jippratikaw xi sport f’dan l-kumpless iridu jimxu distanza mux hazin biex jaslu fil-ground, dan minkejja id-dlam li ikun hemm, u f’okkazzjonijiet ohrajn tkun ix-xita jew l-maltemp. Biex ma nsemmux l-panik li qed jinqala barra l-gate b’hafna karozzi ipparkjati u mexjin, bir-riskju li jintlaqtu xi tfal huma u hergin. fejn qieghda l-health and safety tat-tfal taghna? PROSIT HEAD MISTRESS!! keep it up (NOT).

    [Reply]

Leave a comment