Inawgurat is-SVPR Football Ground‏

Thursday, December 20, 2012, 23:25

Is-Sibt 15 ta’ Diċembru 2012 kien inawgurat uffiċjalment is-SVPR Football Ground li se jkun qed jintuża minn Luqa St. Andrew’s F.C. u l-Youth Nursery għat-taħriġ tad-diversi timijiet fi ħdan il-klabb. Dan il-grawnd li jinsab fir-Residenza San Vincenz de Paule se jkun qed jintuża wkoll mill-ħaddiema ta’ din ir-residenza u għal attivitajiet li jkunu organizzati għar-residenti.

Ic-ċerimonja tal-ftuħ kienet immexxija minn Sarah Lee Zammit u bdiet b’diskors mill-President tal-MFANorman Darmanin Demajo. Hu qal li Ħal Luqa kellha problema ta’ nuqqas ta’ art fejn seta’ jsir grawnd, iżda wara li sab il-koperazzjoni tal-Onor Mario Galea biex jintuża spazju fis-SVDR, il-proġett tmexxa ‘il quddiem anke bl-għajnuna kbira tal-Onor Clyde Puli u l-Kunsill Malti għall-Isport biex issa din il-ħolma saret realta’. Hu rringrazzja lill-kumpanji li ħadmu fuq dan il-proġett, fosthom it-389 Co Ltd, Dilja Construction Ltd u Joe Sammut Contractors tax-xogħol ta’ livell li għamlu f’dan il-grawnd.

Tkellem ukoll Lino Martinelli, President tal-klabb li qal li tul l-Istorja tal-klabb kienu diversi l-postijiet li servew bħala grawnd għas-Saints iżda issa matul dawn l-aħħar snin il-klabb għandu tliet faċilitajiet li huma tiegħu b’kuntratt fit-tul grazzi għall-għajnuna tal-Gvern u l-MFAbiex hekk issa l-klabb jista’ jħares ‘il quddiem lejn futur sabiħ grazzi għall-faċilitajiet li għandu fejn it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jistgħu jitħarrġu.

L-Onor Mario Galea, fid-diskors tiegħu qal li Paul Bottone, ħaddiem fis-SVDP kien wera x-xewqa li grawnd żgħir tar-ramel li kien hemm seta’ jkun irranġat biex il-ħaddiema jkollhom fejn jipprattikaw xi sport filwaqt li seta’ jintuża wkoll mill-anzjani attivi tar-residenza. Din ix-xewqa ħabtet eżatt mal-mument meta Luqa St. Andrew’s F.C permezz ta’ Nathanael Falzon u Dr Evan Camilleri kienu identifikaw il-possibbilta’ li l-MFAu s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport jagħmlu l-grawnd f’dan l-istess spazju. Għalhekk din il-koperazzjoni bejn iż-żewġ awtroritajiet governattivi u l-MFAwasslet biex illum il-klabb ta’ Luqa St. Andrew’s F.C. u Nursery kif ukoll il-haddiema u r-residenti għandhom post mill-aqwa fejn jipprattikaw l-isport u l-komunita’ tal-anzjani tista’ tkompli titħallat ma’ żgħażagħ li se jkunu qed jiffrekwentaw il-post.

 

 

Fid-diskors tiegħu, l-Onor Clyde Puli qal li jħossu sodisfatt li x-xewqa tal-klabb ta’ Ħal Luqa li jkollu post fejn jagħmel it-taħriġ issa saret realta’. Hu qal li ħadem ferm flimkien ma’ Nathanael Falzon u l-President tal-MFAbiex flimkien sabu r-riżorsi biex il-grawnd tlesta minn kollox inkluż id-dressing rooms u kmamar l-oħra għad-dispożizzjoni tal-klabb filwaqt li rringrazzja wkoll lil Joseph Grima li segwa x-xogħol tal-grawnd flimkien ma’ Nathanael Falzon f’isem il-klabb u biex kollox isir bl-aħjar mod possibbli. Hu qal li dan il-grawnd ġdid se jkun ta’ benefiċċju kbir għat-tfal u ż-żgħażagħ għax issa għandhom post fejn jistgħu jitgħallmu u jitħarrġu fil-logħba tal-futbol. Dan fil-fatt kien l-40 grawnd tal-futbol ġdid li saru mill-Gvern u l-MFAb’risq il-futbol Malti.

Wara d-diskorsi sar il-kxif tal-lapida kommemorattiva filwaqt li l-Kappillan ta’ Hal Luqa Dun Gordon Refalo għamel it-talb u bierek il-lapida u l-grawnd il-ġdid. Mumenti wara l-Onor Clyde Puli, l-Onor Mario Galea u Norman Darmanin Demajo fetħu l-grawnd uffiċjalment fost l-għajjat tat-tfal tan-Nursery li nvadew il-grawnd biex jagħmlu użu minnhu. Fil-fatt, kull kowċ tan-Nursery organizza sessjoni qasira tat-taħrig għall-etajiet differenti fi ħdan in-Nursery filwaqt li l-Kumitat ippreżenta rigali bħala tifkira u radd ta’ ħajr lill-Presdent tal-MFA, lill-Onor Clyde Puli, lill-Onor Mario Galea, lis-CEO tal-MFABjorn Vassallo, lill-Kappillan Dun Gordon Refalo u l-preżentatriċi Sarah Lee Zammit.

Wara ċ-ċerimonja l-mistiedna kellhom l-opportunita’ jidħlu fil-grawnd isegwu t-taħriġ kif ukoll iżuru l-faċilitajiet tad-dressing rooms u wkoll attendew għar-riċeviment li sar għall-okkażjoni. Il-Kumitat tal-klabb u dak tan-nursery u l-kowċis ħadu wkoll ritratti tal-okkażżjoni.

Grazzi speċjali tmur lill-Onor Clyde Puli, l-Onor Mario Galea, Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo mill-MFA,  Bernard Vassallo mill-Kunsill Malti għall-Isport, lil Roderick Vella u Silvan Bugeja mis-Segretarjat għaż-Żgħażagħ u Sport u lil James Carabott u Paul Bottone mir-Residenza San Vincenz De Paule tal-għajnuna tagħhom biex din il-ħolma saret realta’.

 

 





Leave a comment