- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Impenn ta’ 3 Snin Minn Express Trailers Lejn l-iSport Malti

Posted By Sportinmalta On July 15, 2016 @ 4:21 pm In Athletics,Cycling,Featured,Other | No Comments

Gavin Muscat

Wara li dan l-aħħar wasslet l-għajnuna loġistika tagħha b’riżq l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ l-Alive2016 Cycling Challenge, il-kumpanija Express Trailers illum ħabbret sponsorship ta’ tlett snin lil tlieta mill-iżjed clubs ta’ l-atletika ta’ suċċess f’Malta – Żurrieq Wolves Athletic Club, Mellieħa Athletic Club u Mosta Cycling Club.

L-isponsorship tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kienu ppreżentati t-tlett sponsorships ta’ tlett snin ‘il wieħed lir-rappreżentanti tat-tlett clubs rispettivi.

“L-operat tal-kumpanija tagħna huwa bbażat kollu kemm hu fuq it-trasport fit-triq. Fil-fatt in-network tagħna huwa mifrux madwar l-Ewropa kollha iżda kull vjaġġ jibda u jintemm fuq it-toroq Maltin. Għalhekk, għalkemm qed inwettqu l-ħidma neċessarja ta’ trasport ta’ ikel, mediċini u tagħbija oħra li fl-aħħar mill-aħħar huma għall-konsum lokali, xorta nħossu li l-flotta tagħna ta’ trakkijiet u trailers jistgħu ikunu ta’ inkonvenjent għal dawk kollha li jużaw it-triq, speċjalment dawk l-iżjed vulnerabbli fosthom l-atleti u ċ-ċiklisti li jitħarrġu u jtellqu. Bl-isponsorship tagħna lejn dawn il-clubs, li l-kompetizzjonijiet tagħhom isiru fit-toroq, qed infittxu li nindirizzaw l-iżbilanċ,” qal Franco Azzopardi, Chairman u CEO ta’ Express Trailers waqt il-preżentazzjoni.

Huwa w jirreferi għall-għażla tal-Clubs, Franco Azzopardi qal “diġa kellna l-pjaċir nikkollaboraw u ngħinu f’għadd ta’ avvenimenti sportivi organiżżati minn Żurrieq Wolves Athletic Club, mill-Mellieħa Athletic Club u mill-Mosta Cycling Club u din għalina kienet opportunità biex nikkonfermaw li dawn it-tlett clubs huma fost l-iżjed serji f’Malta. Kien għalhekk li ddeċidejna li nestendu l-isponsorship għalihom għat-tlett snin li ġejjin.”

“Dejjem emmint fl-importanza ta’ l-isport bħala mod ħolistiku biex wieħed jiżviluppa lilu nniffsu. Jiena personalment ukoll ġej minn ambjent sportiv u għalhekk insibha naturali li nħeġġeġ lill-impjegati tagħna biex jipprattkaw l-isport. Fil-fatt għandna għadd ġmielu ta’ impjegati li huma wkoll membri attivi ta’ dawn il-clubs. Minbarra li nħeġġu l-involviment ta’ l-impjegati tagħna fl-isport, qed inħarsu lejn dawn l-isponsorships bħala meżż kif iżjed impjegati jistgħu jitħajjru jibdew xi sport. Bħala kumpanija fil-fatt, aħna ngħinu lill-impjegati tagħna jieħdu sehem fl-avvenimenti sportivi ta’ dawn il-clubs u b’riżultat ta’ dan, illum, ħafna iżjed impjegati saru iżjed attivi f’ħajjithom,” żied qal Franco Azzopardi.

Clifton Caruana minn Żurrieq Wolves Athletic Club spjega kif l-isponsorship ta’ Express Trailers lill-Club ta’ Żurrieq Wolves jgħin fl-organiżżazzjoni ta’ l-Express Trailers Żurrieq Half Marathon, 10km Run and 10km Walk kull Novembru.

“Sa erba’ snin ilu, din l-attività kienet tiġbed lejha madwar 130 atleta. Meta Express Trailers iddeċidew li jibdew jgħinuna, l-għan tagħna kien li nkabbru din l-attività. Fit-tlett snin ta’ wara, l-għajnuna ta’ Express Trailers ġabet interess ġdid fil-ġirja tant li llum, din qed tkun organiżżata mill-istess organiżżaturi tal-Maratona ta’ Malta, flimkien mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Dan kollu wassal għal suċċess kbir tant li fl-edizzjoni ta’ Novembru li għadda, ħadu sehem ‘il fuq minn 1000 atleta – riżultat li jagħmilna kuntenti u kburin ħafna,” qal Clifton Caruana.

Ivan Cassar, President tal-Mellieħa Athletics Club irringrazzja lil Express Trailers ta’ l-isponsorship u spjega kif “il-Mellieħa Athletics Club huwa l-club ewlieni f’Malta fejn jidħol road running speċjalment meta wieħed iqis l-għadd kbir ta’ atleti ta’ suċċess li għandu l-club, kif ukoll l-ammont kbir ta’ membri li jieħdu sehem f’kull tellieqa li jkun hawn fit-triq.”

“Dan l-isponsorship, li jaħbat fiċ-ċelebrazzjonijiet tagħna tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Club, se jgħina fl-investiment li qed inwettqu fin-nursery li din is-sena għalqet ħames snin, se jgħinna ntejjbu l-apparat u l-livell ta’ avvenimenti li norganizzaw, speċjalment id-Duathlon li diġa kienet sponsorjata għall-ewwel darba minn Express Trailers, u se jgħinna ntejjbu l-programmi ta’ taħriġ għall-membri.”

Filwaqt li rringrazzja lil Express Trailers ta’ l-isponsorship, Edward Enriquez, Segretarju tal-Mosta Cycling Club semma kif il-Mosta Cycling Club huwa l-eqdem club taċ-ċikliżmu f’Malta li twaqqaf fl-1953 u li fl-2015, sar affilljat mal-Malta Triathlon Federation.

“Aħna kuntenti li Express Trailers għażlu li jgħinuna permezz tad-ditta tagħhom ShipLowCost.com. Din id-ditta fil-fatt se tkun l-isponsor ewlieni tas-sezzjoni tat-Triathlon tal-club. Fil-fatt l-isponsorship mhux biss se jiffinanzja d-disinn u x-xiri tat-Triathlon Suits, iżda se jgħinna norganiżżaw l-edizzjonijiet tat-triathlon li jmiss.”

Minbarra għajnuna finanzjarja, Express Trailers twassal ukoll l-għajnuna loġistika mhux biss fil-promozzjoni ta’ l-attivitajiet iżda wkoll bis-self ta’ vettura li tintuża bħala l-lead car waqt it-tlielaq u sellef vetturi oħrajn fosthom trakkijiet, trailers u vannijiet li jintużaw waqt l-attivitajiet.

Franco Azzopardi temm bl-appell dwar l-importanza li s-sewwieqa kollha fit-triq isuqu b’mod iżjed responsabbli sabiex tkun żgurata s-sigurtà tagħhom u dik ta’ l-atleti kollha li jiġru jew isuqu r-rota fuq it-triq.

Il-Malta Road Safety Council ta’ Transport Malta esprimiet is-sodisfazzjon tagħha. “Kuntenti b’din l-inizjattiva ta’ Express Trailers fejn permezz ta’ l-isponsorship tagħhom lill-isport Malti, qed jinkoraġġixxu wkoll iżjed sigurtà fuq it-toroq tagħna. Dan jaqbel mal-prinċipju u l-impenn tal-Malta Road Safety Council li jippromwovi l-importanza tar-rispett u l-kunsiderazzjoni fit-triq mis-sewwieqa kollha ta’ karozzi, muturi, passiġġieri u dawk mexjin fit-triq.”


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/impenn-ta-3-snin-minn-express-trailers-lejn-l-isport-malti/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.