Impenn ieħor din il-ġimgħa għal referee lokali

Tuesday, January 27, 2015, 0:13

Ir-referee internazzjonali lokali tal-basketball, Bernard Vassallo, li kien impenjat fit-Turkija il-Ħamis li għadda, se jerġa jkun impenjat fl-ambitu Ewropew wara li rċieva nominazzjoni oħra mill-FIBA Europe.

 

Fil-fatt, matul din il-ġimgħa, huwa se jmur ir-Repubblika Ċeka biex nhar l-Erbgħa 28 ta’ Jannar huwa jikkontrolla il-partita valida minn Grupp A mill-FIBA EuroLeague li se tintlagħab ġewwa l-Sportovni Hala Kralovka fi Praga bejn USK Praga u c-champions renjanti Ewropej, it-Torok ta’ Galatasaray.

 

Meta fadal tliet ġranet għat-tmiem tal-fażi tal-gruppi, iż-żewġ naħat huma għatxana għar-rebħa din il-ġimgħa peress li hemm taqtiegħa kbira għall-aħħar żewġ postijiet minn total ta’ erbgħa li jikkwalifikaw minn dan il-grupp għall-kwarti tal-finali.

 

Bħalissa Praga qed jaqsmu t-tielet post b’erba’ rebħiet waqt li Galatasaray, li bdew il-kompetizzjoni fuq nota negattiva b’erba’ telfiet konsekuttivi, qegħdin warajhom bi tliet suċċessi.

 

Bħala uffiċjali għal din il-logħba, Vassallo, li hu r-referee prinċipali, se jkollu miegħu lil Johannes Sarekoski (Finlandja) u Robert Hickman (Ingilterra).





Leave a comment