Impenn fl-Italja għal referee lokali

Tuesday, February 4, 2014, 15:48

Ir-referee internazzjonali lokali tal-basketball Bernard Vassallo se jerġa jirritorna l-Italja, wara logħbiet ġewwa Reggio Emilia validi għal Euro Challenge maskili aktar kmieni dan l-istaġun, hekk kif irċieva nominazzjoni oħra mill-FIBA Europe.

Fil-fatt Vassallo, nhar it-Ħamis 6 ta’ Frar, se jkun qed jikkontrolla il-partita valida minn Grupp A tal-FIBA EuroLeague li se tintlagħab ġewwa l-Pala Campagnola bejn it-team Taljan Famila Schio u c-champions Ungeriżi ta’ Gyor.

Din hija s-seba’ ġurnata tal-kompetizzjoni bi Schio, preżentamant b’erba’ rebħiet, qed jaqsmu t-tieni post flimkien ma’ Kosice u Kayseri fil-grupp li hu magħmul minn sitt teamijiet u bħalissa ddominat mic-champions renjanti Ekaterinburg b’sitt rebħiet.

Kemm Schio kif ukoll Gyor ġejjin minn telfiet rispettivi ġimgħa ilu wara li Schio tilfu 53-68 fit-Turkija kontra Kayseri waqt li Gyor, f’darhom, sfaw megħluba 60-67 minn Kosice.

L-uffiċjali l-oħra għal partita ta’ nhar il-Ħamis, minbarra Vassallo li huwa r-referee prinċipali, se jkunu Branislav Mrdak (Serbja) u Elias Kounelles (Ċipru).





Leave a comment