Impenn fi Franza għal referee lokali

Tuesday, February 17, 2015, 16:43

Ir-referee internazzjonali lokali tal-basketball, Bernard Vassallo, din il-ġimgħa se jerġa jkun impenjat fl-ambitu Ewropew wara li rċieva d-disa’ nominazzjoni staġjonali mill-FIBA Europe.

Fil-fatt, matul din il-ġimgħa, huwa se jmur Franza biex nhar l-Erbgħa 18 ta’ Frar jikkontrolla il-partita valida minn Grupp B mill-FIBA EuroLeague li se tintlagħab ġewwa l-Palais des Sports duPrado ġewwa Bourges bejn Bourges Basket u c-champions Spanjoli ta’ Avenida Salamanca.

Din hija l-aħħar ġurnata mill-fażi tal-gruppi u għalkemm iż-żewġ naħat huma ċerti li se jispiċċaw fl-ewwel erbgħa postijiet fil-grupp, kompost minn 8 teamijiet, u minn post fil-play-offs, huma rispettivament qed jittamaw li jispiċċaw f’posizzjoni għola u jkollhom sorteġġ aħjar fil-kwarti tal-finali.

Salamanca bħalissa jinsabu t-tieni u qed jisperaw li jaqbżu fl-ewwel post jekk ikun hemm żelqa mill-leaders Fenerbahce, li se jilgħabu fir-Russja kontra Orenburg li jinsabu fit-tielet post. Minn naħa l-oħra, Bourges jinsabu r-raba’ u qed jittamaw li jirbħu nhar l-Erbgħa f’darhom waqt li fir-Russja jitilfu Orenburg biex ikunu huma li jispiċċaw it-tielet.

Bħala uffiċjali għal din il-logħba, Vassallo se jkollu miegħu lil Jamin Jurasi (Serbja) u Ivan Milacivic (Bosnja).





Leave a comment