- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Imniedi l-kampjonat BOV Tennis Masters 2019

Posted By Sportinmalta On December 16, 2019 @ 3:09 pm In Featured,Tennis | No Comments

Il-BOV Tennis Masters Tournament 2019 se jsir fil-Marsa Sports Club bejn is-16 u t-22 ta’ Diċembru 2019 bil-finali tintlagħab nhar il-Ħadd 22 ta’ Diċembru fis-2.30pm.

L-aħħar kampjonat tas-sena kalendarja jara l-parteċipazzjoni tal-aqwa 8 plejers ikklassifikati f’Malta. Sfortunatament, iċ-champion tas-sena l-oħra Matthew Cassar Torreggiani mhux se jkun jista’ jiddefendi t-titlu tiegħu minħabba li jinsab mweġġa filwaqt li t-top seed Matthew Asciak, li rebaħ dan it-tournament sitt darbiet,  se jkunu ħerqan ħafna biex jerġa jikseb it-titlu li kellu jirrinunzja s-sena l-oħra billi jirtira minħabba injury.

Il-kampjonat tnieda uffiċjalment minn Dr David Farrugia Sacco, President tal-Malta Tennis Federation u Charles Azzopardi, Eżekuttiv PR & Marketing fil-Bank of Valletta waqt konferenza stampa li saret fil-Marsa Sports Club.

‘Il-Komunità tat-Tennis f’Malta drat dan l-ispettaklu tat-tennis lokali li jagħlaq is-sena sena u joffri divertiment sportiv garantit matul l-istaġun tal-festi,’ qal Dr Farrugia Sacco waqt li rringrazzja lill-Bank of Valletta għall-appoġġ fit-tul tiegħu.

‘Huwa tassew ta’ pjaċir li tara parteċipanti mill-edizzjonijiet li għaddew kif ukoll plejers żgħażagħ li qed jieħdu sehem fil-kampjonat ta’ din is-sena’ qal Charles Azzopardi. ‘Il-Bank of Valletta huwa sponsor ewlieni ta’ diversi avvenimenti sportivi f’Malta u aħna kuntenti li naraw is-suċċessi miksuba mill-Malta Tennis Federation kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali.”

Matul it-tnedija tal-kampjonat Dr Farrugia Sacco ppreżenta ċertifikati maħruġa lill-parteċipanti għall-attendenza tagħhom f’kors għall-uffiċjali li sar reċentement u organizzat mill-Federazzjoni. ‘Il-Federazzjoni tagħraf li l-uffiċjali tal-logħba tat-tennis jifformaw parti importanti u integrali tal-logħba. Bħalissa qegħdin infittxu għajnuna mill-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis waqt li qed ninvestu biex ngħollu l-istandards tal- uffiċjali. Preżenza aktar b’saħħitha fil-court qed twassal għal rispett akbar bejn il-plejers u l-uffiċjali’ qal Dr Farrugia Sacco filwaqt li rringrazzja lil Dr Mohab Fahmi għat-taħriġ u l esperjenza tiegħu waqt il-kors.

Il-BOV Tennis Masters Tournament tal-2019 qed jiġi ospitat mill-Marsa Sports Club. Il-plejers se jinqasmu f’żewġ gruppi ta’ erba’ plejers fuq round robin bl-aqwa 2 plejers minn kull grupp jikkontestaw is-semi-finali, bil-finali ssir nhar il-Ħadd 22 ta’ Diċembru 2019.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/imniedi-l-kampjonat-bov-tennis-masters-2019/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.