Imnedija ‘White Paper’ dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-faċilitajiet sportivi

Sunday, February 21, 2016, 16:59

Gavin Muscat

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius vara White Paper bl-għan li tipprovdi qafas sabiex il-faċilitajiet sportivi jkunu jistgħu jiġu kummerċjalizzati. Sostna li l-Gvern ħass il-ħtieġa li jirregolarizza l-pożizzjoni ta’ diversi assoċjazzjonijiet sportivi filwaqt li jagħtihom sostenn sabiex isiru awtosuffiċjenti. Saħaq li jekk din l-opportunità ma sseħħx, il-biża’ hija li bosta assoċjazzjonijiet jagħlqu minħabba li l-ispejjeż huma ogħla mid-dħul.

Sa mill-1997 il-Gvern identifika sistema li tippermetti li jkun hemm trasferiment ta’ art pubblika lill-organizzazzjonijiet sportivi għall-prattika tad-dixxiplina tagħhom. Din is-sistema kienet irregolarizzata fl-2002, bl-introduzzjoni tal-liġi tal-isport. Il-liġi tgħid li l-proprjetà tal-Gvern tista’ tiġi mgħoddija lill-organizzazzjonijiet sportivi rreġistrati ma’ SportMalta permezz ta’ xi forma ta’ titolu legali.

Wara li jgħaddu minn proċess, l-art tgħaddi lill-organizzazzjonijiet sportivi permezz ta’ kuntratt, liema kuntratt għandu klawsoli li jaċċerta li l-art konċessa tintuża biss għal skopijiet sportivi u ma jkun hemm ebda qligħ finanzjarju, bl-eċċezzjoni ta’ bottegin għall-membri. Il-Gvern kien jidħol fi ftehim mal-klabbs u l-ħlas mitlub kien ikollu sussidju ta’ 98% fuq iċ-ċens. L-istess sussidju kien revedut għal 95% tal-valur tas-suq.

Għexieren ta’ biċċiet ta’ art kienu mgħoddija lill-organizzazzjonijiet sportivi lokali permezz ta’ din is-sistema. Filwaqt li dawn il-konċessjonijiet għenu lill-organizzazzjonijiet sportivi jagħmlu avvanzi konsiderevoli, fl-aħħar snin bosta sostnew li s-sistema attwali ma tgħinx sabiex ol-klabbs ikunu awtosostenibbli. Kien għalhekk li bosta minn dawn l-organizzazzjonijiet sportivi rrikorrew għall-Gvern għal assistenza finanzjarja, anke jekk uħud minnhom imbarkaw fuq pjanijiet fit-tul, sabiex ikollhom setup professjonali. Filwaqt li sar titjib fir-regolarizzazzjoni tal-finanzi u l-amministrazzjoni, baqgħet tinħass il-ħtieġa li jsir dħul iġġenerat dirett mill-organizzazzjoni sportiva biex din issir awtosostenibbli. Il-White Paper imnedija llum se tkun għodda sempliċi iżda effettiva li permezz tagħha l-organizzazzjonijiet sportivi jistgħu jindirizzaw il-mod tad-dħul tagħhom. Il-White Paper u eventwalment il-liġi se tkun qed tissalvagwardja l-kwistjoni tal-kummerċjalizzazzjoni.

Filwaqt li l-Gvern jaqbel li l-attività ekonomika hija għodda neċessarja għall-organizzazzjonijiet sportivi, l-użu ħażin ta’ art pubblika huwa inaċċettabbli. Għaldaqstant, il-Gvern se jkun qed jara li l- attività sportiva tibqa l-prijoritàa f’kull faċilità sportiva, minkejja l-attività kummerċjali li tista’ tkun introdotta. Din il-White Paper għandha tipprovdi rakkomandazzjonijiet għal qafas legali li ser jirregola l-proċessi li għandhom ikunu adottati għal skopijiet kummerċjali mill-faċilitajiet sportivi f’Malta u f’Għawdex.

Dettalji dwar il-White Paper u l-proċess ta’ kif ġiet ippubblikata l-White Paper ingħataw minn Dr Chris Bonett. Is-Sur Bonett spjega li l-White Paper qiegħda tipproponi mudell li permezz tiegħu assoċjazzjonijiet nazzjonali u klabbs jistgħu jwettqu attività kummerċjali fil-faċilitajiet sportivi tagħhom. Huwa kompla li din il-White Paper hija miftuħa għall-konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet sportivi lokali kif ukoll mal-pubbliku sal-aħħar ta’ Marzu 2016. Wara dan il-proċess tiġi abbozzata l-liġi għall-kunsiderazzjoni tal-Parlament.

Wieħed jista’ jibgħat il-kummenti tiegħu jew permezz ta’ email fuq: sportsfacilities.mede@gov.mt jew inkella billi jaċċessa s-sit: https://socialdialogue.

Il-White Paper: pr160251a

———————————————————————————————————————————————————-

Gallery

Parliamentary Secretary for Research, Innovation, Youth & Sport, Chris Agius, presides over the launch of a White Paper for Consultation regarding Commercialisation of Sports Facilities. Basketball Pavillion, Ta' Qali

———————————————————————————————————————————————————-

———————————————————————————————————————————————————-





Leave a comment