Imnedija St Benedict Primary Schools On the Move

Friday, December 11, 2015, 19:08

Gavin Muscat

Il-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop laqa’ fih l-istudenti tal-ħames klassi mill-iskejjel primarji tal-Kulleġġ San Benedettu f’attività li kellha l-għan li tiċċelebra l-inizjattiva ġdida li ttieħdet mill-kulleġġ billi żżid il-ħin li l-istudenti jkunu involuti f’attività fiżika.

Kienet ix-xewqa tal-istudenti li jkollhom aktar attività fiżika waqt il-ħin tal-iskola. L-amministrazzjoni tal-Kulleġġ San Benedettu rat li tissodisfa din ix-xewqa tat-tfal għax taf li aktar kemm it-tfal ikunu kuntenti aktar itejbu r-riżultati tagħhom sena wara sena. Minbarra hekk riċerka turi li aktar kemm it-tfal ikunu attivi aktar itejbu r-riżultati akkademiċi tagħhom. Huwa pruvat li l-atteġjament tal-istudenti kemm fil-klassi u anke barra jitjieb.

L-amministrazzjoni tal-Kulleġġ bdiet taħdem fuq din l-inizjattiva sa mill-bidu tas-sena fejn talbet għal aktar riżorsi umani u l-ammont ta’ għalliema tal-edukazzjoni fiżika fil-Kulleġġ tela’ għal sebgħa. Issa l-istudenti ser jibda jkollhom żewġ lezzjonijiet flok waħda f’ġimgħa, b’enfasi fuq il-fundamentals, ħiliet li huma l-bażi ta’ kull sport. Minbarra hekk l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ laħqet ftehim ma’ SportMalta sabiex l-użu tal-faċilitajiet tal-Kumpless ta’ Ħal Kirkop ikunu aktar frekwenti.

Il-prinċipal Paul Debono tenna li b’politika globali fil-Kulleġġ ser ikun hemm enfasi fuq waqfiet regolari għall-moviment f’kull klassi primarja. Pawżi għall-moviment fiżiku ser ikunu inklużi matul il-jum għax intwera li l-moviment regolari jżid il-konċentrazzjoni fit-tfal u fl-adulti ta’ kull età. L-għanijiet ta’ din l-inizjattiva huma varji u ser tkompli tinħoloq kultura ta’ ħajja aktar sana fl-istudenti żgħażagħ ibbażati fuq l-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni u l-politika ‘Respect for All’.

Il-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius żaru l-attività li kienet għaddejja fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop u li kienet tinkludi workshops diversi fosthom sessjoni ta’ golf, logħob tradizzjonali, ġinnastika u anke sessjoni ta’ arti.





Leave a comment