Imnedija SkoloSPort 2014/15

Sunday, October 19, 2014, 10:00

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum fl-iskola Sekondarja tas-Subien taż-Żokrija, ingħataw l-aħħar dettalji dwar Skolasport 2014/15. Skolasport huwa programm estensiv ta’ attivitajiet sportivi organizzat mill-Kunsill Malti għall-Isport, fi ħdax-il ċentru sportiv madwar Malta.

Id-dettalji ngħataw mir-rappreżentant tal-Ministeru għall-Kunsill Malti għall-Isport, Mark Cutajar, li stqarr li matul dawn l-aħħar xhur saret ħidma intensiva sabiex l-entità tibda tħares aktar fil-fond lejn id-dettal. Kien għalhekk li twaqqaf tim tekniku magħmul minn coaches professjonali li flimkien analizzaw lit-tfal bħala individwi u ħolqu programm li jilħaq il-gosti ta’ kulħadd. Mark Cutajar kompla jgħid li l-KMS impenjat biex jgħolli l-livell tal-assoċjazzjonijiet , kif ukoll isaħħaħ l-akkademji. Bħalissa hemm żewġ akkademji fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport, li huma dik taż-żwiemel u tat-triathlon, u fiż-żmien qarib se tinfetaħ ukoll waħda tal-basketball.

Minn naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, Luciano Busuttil qal li l-fulkru ta’

Skolasport m’humiex biss il-venues iżda qed issir enfasi b’mod partikolari fuq it-tfal. Hu qal li l-KMS huwa impenjat jibqa jibni fuq il-programm tas-sajf Summer on the Move, biex dejjem joffri l-aħjar, bl-aqwa prezzijiet li jistgħu jiġu milħuqa minn kulħadd. Huwa temm jgħid li l-programmi tal-KMS jistgħu jilqgħu lil kulħadd għaliex l-entità hija komessa li tara li jkun hemm inklużjoni soċjali.

Indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u Sport Chris Agius li qal li l-KMS huwa kommess li joffri l-programmi lil kulħadd u għalhekk qed jinżammu prezzijiet baxxi ħafna, minbarra li qed jiftaħ 11-il ċentru madwar Malta sabiex ikunu aktar milħuqa mill-pubbliku. Huwa semma kif l-programm Skolasport għandu jkun mezz sabiex aktar tfal, żgħażagħ u adulti jitħajru jkunu attivi u eventwalment jingħaqdu ma’ xi klabb tal-isport f’pajjiżna.

Din is-sena mistennija jieħdu sehem ’il fuq minn 4,000 ruħ f’diversi dixxiplini sportivi, immexxija minn madwar 180 coach professjonali. Se jkun hemm attivitajiet popolari mal-parteċipanti bħaż-żfin, ġinnastika, basketball, u għawm. Dan minbarra il-programmi foundation u participation immirat għat-tfal bejn l-4 u l-10 snin li għandhom l-għan li jintroduċu l-ħiliet sportivi bażiċi fid-diversi dixxiplini.

Skolasport iħeġġeġ lill-ġenituri biex jipparteċipaw fil-programmi diversi li l-Kunsill Malti ħaseb għalihom ukoll. L-applikazzjonijiet għadhom qed jintlaqgħu jew permezz tal-online booking fuq www.sportmalta.org.mt jew inkella billi jimlew il-formola li tinkiseb minn xi wieħed mill-11-il ċentru.





Leave a comment