- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Imnedija s-60 edizzjoni ta’ SportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali

Posted By Sportinmalta On January 24, 2020 @ 9:18 am In Featured,GhGS - 2014 | No Comments

Fit-22 ta’ Frar SportMalta flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sports se jorganizzaw is-60 edizzjoni ta’ SportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun waħda speċjali għaliex hija s-60 edizzjoni mill-ewwel edizzjoni li kienet imnedija mill-mibki ġurnalist tal-isport Benny Pace.

Is-Segretarju Parlamentari Għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima qal li permezz ta’ dan l-avveniment annwali ikunu jistgħu jiġu apprezzati s-suċċessi miksuba matul is-sena. Huwa saħaq li l-investiment li qed jagħmel il-gvern fl-isport qed iħalli l-frott tiegħu.

“Dan huwa gvern li sena wara sena dejjem qed jagħti iktar fondi mhux biss lill-Kumitat Olimpiku Malti iżda anke assistenzi permezz ta’ SportMalta f’diversi skemi tagħha. Il-gvern jinsab kommess li anke għas-snin li ġejjin ser ikompli jinvesti fl-isport u mhux biss ser inkomplu intejjbu il-faċilitajiet sportivi, iżda li naraw li l-istrateġija Nazzjonali għall-Isport tkun implementata bl-aħjar mod possibli,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.

Il-Kap Eżekuttiv ta` SportMalta Mark Cutajar qal li huwa ta` pjaċir għall-entita’ li tagħti l-kontribut f’dan l-avveniment.  Huwa saħaq li SportMalta tinvolvi ruħha biss fl-organizzazzjoni u tħalli l-proċess tal-għażla f’idejn il-ġurnalisti.  Dan jiggarantixxi trasparenza u governanza tajba.  Cutajar qal li din l-edizzjoni ser tkun waħda speċjali kif jixraq lill-atleti finalisti.

Il-president tal-Għaqda Ġurnalisti Sports Sandro Micaller, irringrazzja l-Gvern u speċjalment lil SportMalta talli għal sena oħra għarfu l-importanza ta’ dan l-avveniment annwali tant mistenni mill-isportivi Maltin.

L-ewwel edizzjoni kien organizzaha Benny Pace fuq bażi individwali permezz tal-ġurnal “The Sporting Star” bl-ewwel edizzjoni tal-Isportiv tas-Sena tkun dik tal-1960. Dakinhar ir-rebbieħ kien Wilfred Pirotta li kien jipprattika l-isport tal-ispearfishing (sajd taħt wiċċ il-baħar bin-nifs). Benny Pace baqa’ jorganizza b’suċċess dan il-konkors, li kellu format ferm differenti min kif nafuh illum, sal-edizzjoni tal-1977 fejn fl-aħħar seba’ snin bejn l-1970 u l-1977 kienu jsiru żewġ għażliet fi żmien ġimgħa. Dan seħħ wara li fl-1970 saret l-ewwel edizzjoni tal-Għaqda Kittieba Sports.

Fl-ewwel erba’ edizzjonijiet (1960, 1961, 1962 u 1963) Pace kien jippremja biss lill-Isportiv tas-sena u kien biss fil-ħames edizzjoni tal-1964 li introduċa l-unur tal-iSportiva tas-sena dakinhar mirbuħ minn Joan Galea Naudi li kienet ġejja mid-dixxiplina tal-iskiing fuq il-baħar.

Għal xi raġuni, probabbilment minħabba n-nuqqas ta’ kisbiet importanti bħala riżultati minn atleti nisa, l-unur tal-iSportiva tas-sena reġa’ ngħata biss fl-1971 iżda dakinhar il-konkors kien organizzat mill-Għaqda Kittieba Sports.

Filfatt l-Għaqda Kittieba Sports kienet twaqqfet fl-1970 u mill-ewwel bdiet torganizza l-konkors tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali. L-istorja turina li bejn l-1970 u l-1977 kienu għadhom jiġu organizzati żewġ konkorsi simili dak ta’ Benny Pace (Sportiv tas-Sena) u dak tal-Għaqda Kittieba Sports (Għażliet Sportivi Nazzjonali).

Finalment mill-1978 beda jsir konkors wieħed biss bil-proċess tal-votazzjoni dejjem jitjieb minn sena għall-oħra. Matul iż-żmien l-Għażliet Sportivi Nazzjonali baqgħu jikbru fil-popolarita’ tagħhom apparti ż-żewġ unuri stabbiliti tal-Isportiv u l-Isportiva tas-sena tul is-snin żdiedu diversi kategorija oħra li ġew introdotti hekk:

  • Il-Kategorija Uffiċjal tas-sena kienet introdotta fis-sena 1972 fl-edizzjoni ta’ Benny Pace.
  • Il-Kategorija Team tas-sena kienet introdotta fis-sena 1995.
  • Il-Kategorija Żagħżugħ tas-sena kienet introdotta fis-sena 1999.
  • Il-Kategorija Żagħżugħa tas-sena kienet introdotta fis-sena 2014 (Fil-passat kien hemm atleti żgħażagħ nisa li rebħu dan l-unur meta l-kategorija kienet miftuħa)
  • Il-Kategorija Kowċ tas-sena kienet introdotta fis-sena 2012. (Fil-passat kien hemm kowċis li rebħu l-unur tal-Uffiċjal tas-sena)
  • Il-Kategorija Avveniment Internazzjonali tas-sena organizzat f’Malta kienet introdotta fis-sena 2003.

Ta’ min isemmi wkoll lil tul is-snin l-Għaqda Kittieba Sports aġġornat maż-żmien u anke bidliet l-isem għall-Għaqda Ġurnalisti Sports sabiex tirrifletti u tirrapreżenta fierxa aktar wiesa ta’ persuni li jaħdmu fil-qasam tal-media tal-isport.

SportMalta Awards - Għażliet Sportivi Nazzjonali se jsiru nhar is-Sibt 22 ta’ Frar 2020 fil-lukanda Hilton u s-serata se tixxandar diretta fuq TVM2 bit-trasmissjoni tibda fit-8.15pm.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/imnedija-s-60-edizzjoni-ta-sportmalta-awards-ghazliet-sportivi-nazzjonali/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.