Imnedija l-Flexi Training Scheme

Monday, October 20, 2014, 17:30

Il-Flexi Training Scheme hija skema miftuħa għall-atleti elitisti li jmorru jikkompetu barra l-pajjiż.  L-isem il-ġdid jixhed ir-riforma li saret f’din l-iskema li kienet magħrufa bħala l-iskema 20/20.  Is-Segretarjat Parlamentari flimkien mal-Kunsill Malti għall-Isport ħasbu sabiex jagħtu libsa ġdida lil din l-iskema billi jintroduċu diversi miżuri ġodda.  Dan qed isir sabiex l-iskema mhux biss tilħaq numru akbar ta’ atleti imma li tħalli l-frott meħtieġ.
Iċ-Ċermen tal-bord inkarigat minn din l-iskema Ivan Riolo ta d-dettalji u spjega kif l-atleti flimkien ma’ min iħaddimhom u l-KMS ser jaraw li l-iskema tkun waħda aktar flessibli fejn jidħlu ħiniijiet dedikati għax-xogħol u dawk għat-taħriġ.  Il-KMS ser jkun qiegħed isegwi mill-viċin lill-atleti, anke permezz ta’ spot checks, sabiex ikunu massimizzati l-vantaġġi ta’ din l-iskema.  Il-KMS ser jara li l-għażla tal-atleti li jibbenefikaw minn din l-iskema tkun waħda aktar trasparenti.

Iċ-Ċermen tal-KMS Luciano Busuttil tkellem dwar l-fatt li l-iskemi kienu tajbin però issa l-KMS qed jara kif dawn jitjiebu u jsiru aħjar minn dawk li kellna qabel.  Il-KMS, sostna Luciano Busuttil, huwa kommess li jisma l-bżonnijiet tal-atleta u jipprova joħloq skemi bħal dawn li jilħquhom.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius spjega anke l-Gvern jemmen f’din l-iskema u li huwa kommess li jgħin sabiex l-atleti jaħdmu fuq bażi aktar professjonali filwaqt li jkollhom faċilitajiet aħjar.  Żewġ fatturi li l-Gvern qed jaħdem ħafna fuqhom sabiex l-isport f’pajjiżna ma jibqax wieħed dilettantesk.
Intant dawk kollha interessati li jibbenefikaw minn din l-iskema jistgħu jsibu l-informazzjoni kollha fil-website tal-Kunsill Malti għall-Isport www.sportmalta.org.mt, fis-sit mhux biss isibu l-applikazzjoni imma wkoll r-regolamenti relatati mal-istess skema.





Leave a comment