Imnedija l-21 edizzjoni tal-Air X Malta International Airshow

Saturday, September 28, 2013, 9:30

Dalgħodu kienet imnedija l-21 edizzjoni tal-Air X Malta International Airshow li din is-sena se tkun qed issir bejn it-28 u 29 ta’ Settembru li ġej f’Park 4 tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Park 7 tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella qal li s-settur tal-avjazzjoni kien identifikat mill-gvern bħala wieħed li jista’ jkun żviluppat hekk kif l-avjazzjoni globali hija waħda mill-aktar kontributuri fl-ekonomija. Semma’ kif fi Frar tal-2015 pajjiżna se jkun qed jiċċelebra l-100 anniversarju minn meta l-ewwel titjira waslet f’pajjiżna lura fl-1915 bil-wasla ta’ ajruplan fuq il-baħar li kien daħal fil-Port il-Kbir.

Karmenu Vella tkellem fuq l-avvanz li għamel pajjiżna tul iż-żmien fil-qasam tal-avjazzjoni fost l-oħrajn bit-twaqqif tal-linja nazzjonali l-Air Malta fl-1973. Semma’ kif bis-saħħa tal-Air Malta nfetħu rotot ġodda lejn l-Ewropa kollha fl-istess ħin li fissret ukoll it-twelid tal-avjazzjoni civil f’pajjiżna. Il-Ministru għat-Turiżmu fisser kif dan is-settur jibqa’ joħloq entużjażmu kbir u huwa propju f’dan il-kuntest li kull edizzjoni tal-Airshow li saret dejjem ġibdet udjenzi kbar. Huwa awgura kull suċċess lill-organizzaturi għax-xogħol kollu li sar sabiex l-edizzjoni ta’ din is-sena terġa tkun suċċess ieħor kbir.

Il-President tas-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni Joe Ciliberti semma’ kif din is-sena se jkunu qed jipparteċipaw mal-40 ajruplan minn ħames pajjiżi differenti fosthom mill-Italja, il-Polonja, l-Ingilterra, il-Ġermanja u anke minn Malta. L-attrazzjoni prinċipali din is-sena mistennija tkun it-tim formidabbli tar-Red Arrows li joffru spettaklu mill-isbaħ bil-manuvri kkordinati li l-piloti tagħhom huma magħrufa għalihom. Apparti dan mistenni wkoll spettaklu fl-ajru minn tim Taljan bl-isem ta’ Pioneer b’nisġa ta’ mużika u piroteknika.

Ic-Chief Commercial Officer tal-Air Malta Philip Saunders iddeskriva s-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna bħala wieħed dinamiku, u xhieda ta’ dan huma l-parteċipanti nfushom li jagħtu s-sehem tagħhom f’din l-akbar attività ta’ din il-kalibru f’Malta fis-settur tal-avjazzjoni. Ħabbar kif l-Air Malta se tkun qed torganizza kompetizzjoni fuq is-sit elettroniku tagħha fejn żewġ persuni se jingħataw l-opportunità li jiltaqgħu mal-piloti tar-Red Arrows.

Iċ-Chairman tal-kumpanija Air X John Matthews li hija l-isponsor ewlieni tal-Airshow ta’ din is-sena faħħar il-politika li miexi biha l-gvern fis-settur tal-avjazzjoni u l-fatt li pajjiżna mistenni jkollu l-ewwel politika nazzjonali dwar is-settur. Semma’ kif il-kumpanija Air X fetħet l-operat tagħha f’Malta fis-settur tal-business aviation f’Marzu li għadda fejn diġà rreġistrat żewġ ajruplani, filwaqt li fiż-żmien li ġej mistennija tirreġistra tliet ajruplani oħra fuq ir-reġistru Malti.

Intant, il-wirja statika f’Park 4 se tkun miftuħa għall-pubbliku sew is-Sibt kif ukoll il-Ħadd mill-10.00 am sal-5.30 pm filwaqt li l-wirjiet fl-ajru jibdew għall-ħabta tas-2.00 pm.

L-organizzaturi qed iħeġġu lill-pubbliku sabiex kemm jista’ jkun jagħmlu użu mit-trasport pubbliku li se jkun qed jitlaq mill-Belt Valletta kull nofs siegħa dirett lejn fejn se tkun qed tittella’ l-Airshow. F’każ li d-domanda għat-trasport pubbliku tkun kbira, il-vjaġġi jsiru aktar frekwenti.

Apparti r-Red Arrows, din is-sena se jkunu qed jieħdu sehem bosta ajruplani fosthom tat-tip Typhoon u Tornado Jets.

 





Leave a comment