Imnedija ir-4 edizzjoni tal-ĠIimgħa Ewropeja ddedikata lill-Isport

Wednesday, August 29, 2018, 8:20

Fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop SportMalta fetaħ uffiċjalment ir-raba’ edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropeja ddedikata lill-Isport. Din hija inizjattiva li sseħħ fi 32 pajjiż fl-Ewropa sabiex tippromwovi l-isport u l-attivita fiżika u li hija ffinanzjata mill-Kummisjoni Ewropeja.

Is-CEO ta’ SportMalta, Mark Cutajar, elenka l-attivitajiet kollha li se jseħħu matul ix-xahar ta’ Settembru bl-ewwel attivita tkun dik li ser issir matul il-jum tas-7 ta’ Settembru fejn fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’tal-Qroqq bejn id-9:00 u nofsinhar u fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera mis-6:00 p.m. il-quddiem ser iseħħu bosta attivitajiet sportivi addattati għal kull eta’. Fit-28 ta’ Settembru l-iskejjel kollha ser ikunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet diversi sabiex jingħaqdu mal-bqija ta’ l-Ewropa fil-European School Sports Day filwaqt li l-għada 29 ta’ Settembru mit-8:00 ta’ filgħaxija l-quddiem għall-ewwel darba ser ikollna il-Be Active Night fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop li matul din il-lejla ser ikun hemm taħlita ta’ sport u attivitajiet flimkien mal-mużika intenzjonata għal persuni ta’ kull eta’.  Dawn l-attivitajiet huma miftuħa għall-pubbliku in ġenerali fejn apparti li mistiedna jipparteċipaw jistaw ukoll jieħdu magħhom tifkiriet li ser jitqassmu b’xejn lil dawk li jieħdu sehem.

Barra minn għekk diversi clubs, assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet flimkien ma diversi NGOs ser ikunu qed jorganiżżaw numru rekord ta’ attivitajiet sabiex il-poplu Malti ikun aktar attiv fiżikalment. Dawn l-attivitajiet kollha qed jiġu ssaportjati minn SportMalta.

Ic-Chairman ta’ SportMalta, Lucjano Busuttil, semma kif il-European Week of Sport qed tħalli impatt fuq Malta fejn qed tirreġista riżultat pożittiv meta wieħed iħares lejn il-Euro Barometer u issa ma għadniex qed niġu fl-aħħar post għal dik li hi attivita fiżika.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima tenna li hu kuntent bl-isforz ta’ dawk kollha li qed jorganiżżaw id-diversi attivitajiet u ħeġġeġ lill-pubbliku in ġenerali sabiex jipparteċipa mhux biss matul din il-ġimgħa iżda li jinkludi l-attivita fiżika bħala parti mir-rutina ta’ kuljum.

Matul il-Konferenza Stampa ġew ukoll ippreżentati l-4 ambaxxaturi tal-European Week of Sport 2018 li huma Maria James minn Special Olympics Malta, l-Isportiva Nazzjonali ta’ din is-Sena il-weightlifter Yasmin Zammit Stevens, Ryan Fenech li apparti li hu impjegat ta’ SportMalta huwa player tal-futbol fit-Tim Nazzjonali u ma Sliema Wanderers kif ukoll Karl Izzo li huwa il-kowċ tat-Tim Nazzjonali tal-Waterpolo u li kien ambaxxatur ta’ din l-attivita fit-3 edizzjonijiet preċedenti.

F’isem l-ambaxxaturi, Karl Izzo indirizza l-konferenza stampa fejn għamel enfasi sabiex dawk li ma jipprattikaw l-ebda attivita fiżika għandhom ibiddlu l-istil tal-ħajja tagħhom sabiex ikunu b’saħħithom aktar kemm fiżikalment kif ukoll mentalment.

Il-Konferenza Stampa kienet immexxija mill-President ta’ l-Għaqda Ġurnalisti Sport Sandro Micallef fejn l-Għaqda Ġurnalisti Sport qed tipprovdi l-għajnujna kollha tagħha lil SportMalta fl-organiżżazzjoni ta’ din il-Ġimgħa Ewropeja għall-Isport.





Leave a comment