Imħabbra l-finalisti tal-MFA Awards 2019

Wednesday, May 15, 2019, 8:14

Ħames plejers – tlieta li jirrappreżentaw liċ-champions Valletta u tnejn ta’ Hibernians – huma n-nominati għall-unur ta’ Plejer tas-Sena 2019 tal-MFA.

Il-gowlkiper ta’ Valletta Henry Bonello u sħabu Steve Borg u Rowen Muscat flimkien ma’ Andrei Agius u Jake Grech li jilagħbu ma’ Hibernians huma l-ħames finalisti għall-aktar unur individwali prestiġjuż fil-futbol Malti. Is-sena li għaddiet dan l-unur intrebaħ mill-plejer ta’ Gżira United Andrew Cohen.

Il-finalisti tal-kategoriji prinċipali tal-MFA Awards 2019, li ser isiru fl-24 ta’ Mejju 2019, kienu mħabbra llum it-Tlieta waqt xandira live fuq il-paġna ta’ Facebook tal-MFA

Tliet kowċis Taljani akkwistaw l-akbar ammont ta’ voti u huma l-finalisti tal-kategorija kowċ tas-sena. Dawn huma Vincenzo Potenza (Senglea Athletic), Stefano Sanderra (Hibernians) u Giovanni Tedesco (Ħamrun Spartans).

Fil-kategorija Żagħżugħ tas-Sena, nsibu tliet plejers li kollha rrapreżentaw lil Malta mat-tim nazzjonali ‘A’ – Juan Carlos Corbolan ta’ Gżira United, il-midfielder ta’ Birkirkara Matthew Guillaumier u Joseph Mbong ta’ Hibernians.

It-tliet nominati fil-kategorija tal-Aħjar Plejer Barrani ġejjin mit-tliet klabbs li spiċċaw fl-ewwel tliet postijiet tal-Kampjonat BOV Premier – Miguel Angel Alba (Valletta), Haruna Garba (Gżira United) u Marcolino Nicolas Taylon (Hibernians).

Minbarra l-unuri relatati mal-Kampjonat BOV Premier, fis-serata ser jingħataw unuri wkoll relatati mad-diviżjonijiet l-oħra, mal-Kampjonat tal-Youths, dak tan-nisa, il-futsal u l-Gozo FA.

Il-kowċis, il-captains u l-uffiċjali tal-klabbs kollha fid-diviżjonijiet rispettivi flimkien ma’ selezzjoni ta’ ġurnalisti li jsegwu l-kompetizzjonijiet varji ħadu sehem fil-proċess ta’ votazzjoni.

GOWL TAS-SENA

Il-pubbliku se jiddeċiedi r-rebbieħ tal-aħjar gowl tal-istaġun 2018/19, li s-sena li għaddiet intrebaħ minn Matteo Piciollo ta’ Valletta.

Selezzjoni ta’ ġurnalisti li jsegwu l-futbol se jagħmlu lista tal-aħjar 10 gowls u kull gowl ser ikun assenjat numru tal-SMS biex jintuża fil-proċess ta’ votazzjoni.

Il-lista ser tkun imnaqqsa għal ħamsa bil-votazzjoni mill-pubbliku se tibqa’ miftuħa sal-lejla tal-24 ta’ Mejju biex ir-rebbieħ ikun imħabbar waqt l-MFA Awards f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

Il-Kumitat Organizzattiv tal-MFA Awards is-sena li għaddiet introduċa unur ġdid li kellu l-għan li jirrikonoxxi l-kontribut tal-partitarji – Best Fans Award.  Il-finalisti ta’ din il-kategorija wkoll ser ikunu magħżula minn din is-selezzjoni ta’ ġurnalisti.

2019 MFA AWARDS – FINALISTI

MFA PLEJER TAS-SENA

Andrei Agius (Hibernians); Henry Bonello (Valletta); Steve Borg (Valletta); Jake Grech (Hibernians); Rowen Muscat (Valletta).

KOWĊ TAS-SENA

Vincenzo Potenza (Senglea Athletic); Stefano Sanderra (Hibernians); Giovanni Tedesco (Ħamrun Spartans).

L-AĦJAR PLEJER ŻAGĦŻUGĦ

Juan Corbalan (Gżira United); Matthew Guillaumier (Birkirkara); Joseph Mbong (Hibernians).

L-AQWA PLEJER BARRANI

Miguel Angel Alba (Valletta); Haruna Garba (Gżira United); Nicolas Marcolino Taylon (Hibernians).

L-AQWA PLEJER TAL-EWWEL DIVIŻJONI

Ige Adeshina (Sirens); Jurgen Debono (Naxxar Lions); Jackson Lima (Gudja United).

L-AQWA PLEJER TAT-TIENI DIVIŻJONI

Lazar Doric (Mġarr United); Gilbert Martin (Fgura United); Felipe Pedrosa de Almeida (Birżebbuġa St Peters).

L-AQWA PLEJER TAT-TIELET DIVIŻJONI

Bledi Alla (Attard); Claudio Calleja (Żurrieq); Lian Xuereb (Msida St Joseph).

L-AQWA PLAYER TAL-KAMPJONAT TAL-YOUTHS

Shaun Dimech (Valletta); Paul Mbong (Birkirkara); Andreas Vella (Hibernians).

L-AQWA PLEJER TAL-KAMPJONAT TAN-NISA

Brenda Borg (Mġarr United); Haley Bugeja (Mġarr United); Stephania Farrugia (Birkirkara).

L-AQWA PLEJER U-19 TAN-NISA

Haley Bugeja (Mġarr United); Lucia Maya (Raiders Luxol); Kailey Willis (Birkirkara).

L-AQWA PLEJER TAL-FUTSAL

Celino Alves De Freitas (Luxol St Andrews); Andres Gomez Vanegas Camilo (Valletta); Leanderson Sant’Anna Coriolano (Luxol St Andrews).

GFA PLEJER TAS-SENA

Ferdinando Apap (Victoria Hotspurs); Shaun Attard (Nadur Youngsters) Adrian Parnis (Victoria Hotspurs).

 





Leave a comment