Ilir Pelinku fil-VIP Area …

Monday, February 14, 2011, 6:00

Dawn t’hawn taħt huma l-aħħar aħbarjiet li ntqalu fir-rokna X’Qed Jinħema waqt il-programm popolari Kontrattakk tal-Ħadd 13 ta’  Janar, 2011, liema programm rreġistra l-ogħla udjenzi mill-programmi sportivi kollha skont l-aħħar stħarriġ tal-Awtorita tax-Xandir.

IL-PELINKU GĦADU FL-ATTIVITA’ U KIF!

Ilir Pelinku l-ex player Albaniż li sentejn ilu kien involut allegatament fil-każ li xxokkja l-futbol Malti bil-każ ta’ korruzzjoni fil-partita Marsaxlokk kontra Slaven Belupo (fejn kien involut ukoll l-ex Referee Joe Attard) għadu attiv u qed jidher anke fil-VIP area fil-logħob tal-Ewwel Diviżjoni. Aħna qegħdin pubblikament nistaqsu lil MFA u lil min hu responsabbli kif qed jiddaħħal fil-ground Ilir Pelinku u wisq iktar fil-VIP area. Il-Kap Eżekuttiv tal-MFA Bjorn Vassallo għandu jinvestiga bl-għajnuna ta’ sħabu kif u jekk wara kollox inħarġitx il-VIP card lil Pelinku. Għandna informazzjoni wkoll li dan Pelinku qed jagħmilha ta’ aġent tal-plejers u qed iġib kuntratti attraenti lill-players li jġib hu mal-Clubs Maltin l-aktar dawn tal-Ewwel Diviżjoni. MFA investigaw dan l-aġir.

EĠIZZJAN MA’ FLORIANA

Ir-riżenja ta’ Hossni Mubarak minn President fl-Eġittu taf tfisser ukoll futur sabiħ għall-player Eġizzjan li mistenni jingħaqad ma’ Floriana fil-jiem li ġejjin. Filfatt dan il-player bl-isem ta’ Mohamed El Yamani li huwa attakkant diġa jinsab f’Malta u lbieraħ ra lil sħabu jilgħabu fid-derby kontra Valletta. Dan il-player fis-sena 2001 kien se jiffirma ma’ Juventus fl-Italja iżda kien involut f’inċident tat-traffiku li żammu inattiv għall-staġun sħiħ. U kien viċin li jissieħeb ukoll ma’ Bayern Munich fil-Bundesliga. Dan il-player kien jifforma wkoll parti mit-tim Nazzjonali ta’ pajjiżu fejn skorja wkoll goal mal-Eġittu.

MARK ATTARD BL-EWWEL INTERVENT IEBES BĦALA PRO

Il-kollega ġurnalista u reporter Mark Attard li minn wara l-ħatra ta’ Norman Darmanin Demajo ġie appuntat bħala uffiċjal responsabbli mill-media għall-kompetizzjonijiet lokali ħa l-ewwel stand uffiċjali sabiex solva l-problema tal-fotografi li jattendu Ta’ Qali biex jiġbdu r-ritratti. Attard kellu jintervjeni wara li xi uffiċjali tal-MFA fil-ġimgħat li għaddew xekklu x-xogħol tal-fotografi billi ma ħallewhomx jiġbdu ritratti minn taħt il-Millenium Stand għax skont huma hekk huma r-regolamenti. Minn investigazzjoni li għamel Attard irriżulta li din ir-restrizzjoni ma kinitx tapplika għal-logħbiet lokali iżda għal-logħbiet tal-UEFA. Issa l-fotografi jistgħu jiġbdu ritratti sbieħ bl-isfond tal-partitarji fl-enclosure.

IL-FUTUR TA’ SAIDI MA’ FLORIANA

Huwa fatt publiku fi ħdan il-partitarji ta’ Floriana li l-gowlkeeper Tuneżin Lotfi Saidi mhux qed ikun ta’ serħan ta’ moħħ għal ħadd. Dan minħabba l-aġir tiegħu fil-grawnd, fit-taħriġ u anke barra mill-grawnd. Saidi jidher li qed jeħodha wisq relaxed għax jaf li dejjem se jilgħab fil-kampjonat u sabiex iżidlu l-pressjoni Johann Said President tal-Greens se jġiblu goalkeeper barrani … dan se jkun gowlkeeper Brittaniku bl-isem ta’ Mathew Townns li għandu 28 sena li fil-passat lagħab ma’ Macclesfield. Għandna informazzjoni li kien l-Internazzjonali Malti Justin Haber li ssuġerixxa lil Floriana dan il-gowlkeeper. Intant waslitilna informazzjoni li Saidi matul din il-ġimgħa qagħad daqxejn imqareb f’serata ta’ divertiment f’San Ġiljan.

JASON LEE JIBQA’ MA’ QORMI B’KUNDIZZJONI

Il-Plejer Belġjan Jason Lee Vandellanoitte mistenni jispiċċa l-istaġun ma’ Qormi hekk kif ma ġiex immaterjalizzat it-transfer tiegħu fl-Npower Championship fl-Ingilterra. Pero’ b’kundizzjoni. Iva jidher li l-plejer għandu problema personali lil hin mill-football li Redino Apap jixtieq li joħroġ minnha. Jidher li sar ftehim bejn il-kumitat ta’ Qormi u l-player sabiex dan jibda programm biex jgħinu jtaffi minn din il-problema. Nagħmluha ċara li l-problema mhix relatata ma’ xi forma ta’ sustanzi ta’ droga imma vizzju ferm inqas gravi li l-plejer hu konxju tiegħu.

JOE FENECH JIRRIŻENJA MILL-ĦAMRUN S.

Il-persuna responsabbli mill-Marketing ta’ Ħamrun Spartans Joe Fenech jidher li rriżenja mill-kariga tiegħu wara inċident li kellu ma’ membru fil-kumitat wara li dan allegatament aggredih waqt laqgħa tal-kumitat fil-ġimgħat li għaddew. Fenech iddeċieda li biex ma jkabbarx l-affarijiet u anke għall-ġid tat-tim hu jieqaf mill-kontribut li kien qed jagħti fi ħdan Ħamrun Spartans tal-inqas għalissa.





2 Comments

  1. Italia says:

    Huwa daħal Malta dwar viża li taħdem ma ‘passaport Albaniż. Għaliex ma l-Gornment Malti jibgħat lura lejn l-Albanija? Ovvjament, Malta hija fil-bżonn tal-kriminali aktar Albaniż ….

    [Reply]

  2. ta l Irish says:

    naqbel mieghek fuq l ewwel artiklu li ktibt.Jien dan il bniedem ma nafux, izda jekk kien imdahhal f kas ta korruzjoni mghandux jidhalla jidhol il grounds specjalment fil v.i.p. area. Insomma Malta kollox possibli

    [Reply]

Leave a comment