Il-Yachting Malta Windsurfing Festival mistenni jagħti entużjażmu ġdid

Friday, August 7, 2020, 8:28

Yachting Malta ħabbret l-appoġġ tagħha lejn il-Festival tal-Windsurfing li se jkun ospitat mill-Malta Young Sailors Club u li se jsir fit-8 u d-9 ta’ Awwissu f’San Pawl il-Baħar.

L-avveniment li se jkun mifrux fuq jumejn huwa mistenni li jipprovdi azzjoni interessanti fuq l-ilma u t-tlielaq kollha se jsiru fiż-żona magħrufa bħala Tax-Xama fil-Bajja ta’ San Pawl il-Baħar.

Il-Festival se jkun miftuħ għall-windsurfers ta’ kull livell. Il-Klassijiet li se jaraw lill-kompetituri jieħdu sehem fihom huma l-klassi Windsurfer LT (disinn wieħed); Slalom u Beginners, din tal-aħħar tilqa’ parteċipanti b’massimu ta’ sentjen esperjenza fil-windsurfing. It-tbaħħir għall-longboard u l-klassi Windsurfing Lt se jsir fuq korsa trijangulari waqt li l-klassi Slalom isir fuq kors ta’ Slalom standard ibbażat fuq is-serje PWA Slalom.

“Il-windsurfing ra interess mill-ġdid u qiegħed jerġa jikber fil-popolarità. L-għan ta’ dan il-festival hu sabiex nies ta’ kull età u livelli differenti ta’ esperjenza jiskopru l-windsurfing u jerġgħu jibnu l-komunità tal-windsurfing f’Malta. Yachting Malta hija ħerqana li tikkontribwixxi għal avveniment bħal dan“, spjega John Huber, Ċermen, Yachting Malta.

L-iskeda tal-avvenimenti tibda bil-parata tal-windsurf nhar is-Sibt fil-ħdax ta’ filgħodu, filwaqt li t-tlielaq isiru bejn is-siegħa u s-sitta ta’ waranofsinhar. Nhar il-Ħadd il-kompetizzjonijiet se jsiru bejn nofshinar u l-erbgħa ta’ waranofsinhar. Freestyle runs jikkonkludu l-avveniment immedjatament wara.

“Hemm ħafna entużjażmu għal dan l-avveniment. Il-popolarità tal-windsurf kienet naqset matul is-snin iżda fl-aħħar xhur grupp t’entużjasti taw l-attenzjoni tagħhom lejn il-windsurfing u bdew jiħarrġu u jipprattikaw mill-ġdid. Dan iġġenera interess minn nies oħra barra l-isport, u għalhekk qed nistennew folla tajba biex tieħu sehem”, stqarr Christian Bajada, Commodore, Malta Young Sailors Club.” Qed nieħdu din l-opportunità biex nirringrazzjaw lil Yachting Malta u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar għall-appoġġ tagħhom”, temm jgħid Bajada.

Malta Young Sailors ħabbret ukoll li persentaġġ tad-dħul mir-registrazzjonijiet se tkun mogħtija lil organizzazzjoni Żibel li hi għaqda volontarja u non-governattiva li tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq l-edukazzjoni, għarfien, soluzzjonijiet u riċerka. L-għan ta’ din l-organizzazzjoni huwa li tikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tal-iskart kumplessiv iġġenerat f’Malta u biex jerġa’ jiġi stabbilit l-ambjenti naturali.

Fid-dawl tar-regolamenti attwali mill-awtoritajiet tas-saħħa, l-organizzaturi se jadottaw numru ta’ protokolli li tħabbru waqt laqgħa li saret nhar l-Erbgħa 5 ta’ Awwissu, fis-sebgħa ta’ filgħaxija fir-Royal Malta Yacht Club.

L-aħħar informazzjoni dwar il-Yachting Malta Windsurfing Festival jinstab fuq www.yachtingmalta.org u fuq il-paġna tal-avveniment fuq Facebook.





Leave a comment