Il-Wanderers jikkonsolidaw!

Tuesday, October 1, 2013, 9:47

Minn Robert Busuttil

Sliema W………1

Floriana………..0


Sliema kisbu r-raba’ rebħa tal-Kampjonat meta għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 1-0. Għal Floriana din kienet it-tielet telfa tal-Kampjonat li ħalliethom fl-aħħar postijiet tal-klassifika.

Sliema kellhom nieqes lil Clifford Gatt Baldacchino li kien sospiż filwaqt li għal Floriana neqsin kien hemm Daniel Bogdanovic u Sunday Eboh li kienu mweġġgħin.

L-ewwel minuti kienu fażi ta’ studju għaż-żewġ timijiet bi Sliema jippruvaw joħolqu l-ewwel pjani offensivi permezz tal-veloċita ta’ Stanley Ohawuchi.

Fis-19 –il minuta Sliema marru fil-vantaġġ meta Stanley Ohawuchi bidel il-ballun ma’  Abubaker Bello Osagie u dan irreċiproka billi qandel il-ballun u b’xutt mill-ewwel għeleb lil Hanford għal vantaġġ Slimiż. Dan kien it-tmien gowl li skorja l-attakkant Niġerjan fil-Kampjonat.

Fl-34 minuta xutt ta’ Paltemio Barbetti spiċċa għoli mil-lasti difiżi minn Hanford.

Fit-48 minuta korner perikoluż ta’ Matias Muchardi u ħarġa ħażina ta’ Hanford li approfitta minnha Abubaker Bello Osagie li bir-ras ra lil Christian Caruana jsalva minn fuq il-linja fatali għal Floriana.

Fit-53 minuta, l-aħjar plejer tal-partita, Stanley Ohawuchi sab il-ballun ma’ saqajh fil-kaxxa Furjaniża u wara li qabeż lil Joseph Borg, indirizza xutt li ħabat mal-wieqfa, b’Hanford megħlub.

Fit-59 minuta, il-Brażiljan Igor Coronado għadda qisu riħ minn ma’ Alex Muscat u xxuttja tajjeb iżda sab lil Henry Bonello attent.

Fil-65 minuta, ġirja tajba ta’ Ohawuchi spiċċat bix-xutt finali tiegħu jispiċċa barra.

Floriana ippruvaw jittantaw xortihom fit-78 minuta meta xutt ta’ Steve Pisani minn kross ta’ Joseph Borg ra l-aħjar tal-gowler Slimiż Bonello.

Fil-85 minuta, Igor Coronado fajjar xutt minn barra l-kaxxa li ra lil Bonello jsalva.

Fis-87 minuta frikik preċiż ta’ Woods u l-gowler sostitut Sean Mintoff xeħet għal korner.

Sliema kkontrollaw sal-aħħar sabiex kisbu rebħa li se tiswihom mitqlu deheb għal kumplament tal-Kampjonat.

BOV Plejer tal-partita kien Stanley Ohawuchi.

Ir-referi kien Alan Mario Sant.

 




Leave a comment