- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Il-verdett finali Norveġja vs Malta għas-17 t’Awwissu

Posted By Sportinmalta On July 21, 2012 @ 1:32 pm In Featured,Football | 14 Comments

minn Caroline Attard u Catherine Micallef.

Il-President tal-MFA jikkwota siltiet mill ex-President tal-MFA John Frendo Azzopardi

Il-President tal-MFA jikkwota siltiet mill ex-President tal-MFA John Frendo Azzopardi

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni Maltijia tal-futbol ntemmet bid-diskors tal-President Norman Darmanin Demajo fejn dan beda d-diskors tiegħu billi wera sitt slides bi kwotazzjonijiet tal-ex President tal-MFA John Frendo Azzopardi li kien fil-Presidenza tal-MFA bejn l-1953 u l-1954.

Darmanin Demajo rrimarka li affaxina ruħu kif dak id-diskors li sar iktar minn 60 sena ilu, għadu japplika sal-lum.  Frendo Azzopardi kien qal li ċertu partitarji għandhom ossessjoni infantili li titfa’ pressjoni fuq il-ftit nies fil-kumitati li għandhom kapaċita jegħlbu l-istess pressjoni. Jemmen li jekk il-ħafna flus li jintefqu lil hinn mill-istandards li l-klabbs jilħqu u li kieku jintefqu b’mod aktar għaqli,  dawn iħallu iktar frott. Jemmen ukoll li għandha titneħħa r-rivalita esġerata bejn ċertu partitarji u għandhom iħallu lill-Kumitati jaħdmu bil-għaqal.

Darmanin Demajo qal li jaqbel perfettament ma’ dan id-diskors u qal li għandna nkomplu lejn dan il-mudell sabiex nimxu ‘l quddiem.  Il-President tal-MFA wera b’sodisfazzjon li l-maġġoranza tal-klabbs laqgħu l-appell li huwa kien għamlilhom fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tas-sena l-oħra fejn ħarġu mill-’comfort zone’ u kien hemm titjib fl-amminstrazzjoni tagħhom.

Irrefera b’mod dirett għall-klabbs ta’ Fgura United u Qormi FC li kienu ta’ eżempju sabiex jibbilanċjaw l-objettivi tagħhhom filwaqt li amministraw b’mod għaqli.

Darmanin Demajo tkellem dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-futbol lokali u l-ambizzjonijet tiegħu għas-snin li ġejjin. Hu stqarr li l-futbol mondjali bħalissa jinsab f’salib it-toroq u minkejja li aħna pajjiż żgħir, aħna nappartjenu għal din il-familja u xorta aħna għandna nagħtu rendikont tal-għemil tagħna.

Qal li t-triq ‘il quddiem għandha tkun ibbażata fuq il-Financial Fair Play u l-Integrita.  Norman Darmanin Demajo jaħseb li l-akbar responsabbilta ta’ integrita għandha taqa’ primarjament lejn il-plejer li għandu jkollu l-obbligu li jara li jiġi rreġistrat skont ir-regolamenti u bid-dħul u l-kundizzjonijet kuntrattwali tiegħu jidhru kollha.

Responsabbilta oħra importanti ta’ kull plejer għandha tkun dik dwar il-match fixing fejn il-President tal-MFA emfasizza li ma nistgżux inħallu dan il-kankru jeqred il-fibra tal-passjoni li toħloq din il-logħba. “Jekk aħna nippermettu li dan il-kankru nħalluh jinfiltra f’Malta, allura aħna qegħdin hemmhekk għalxejn, u għalhekk l-MFA flimkien mal-klabbs se taġixxi b’tolleranza zero lejn din l-attivita legali”.

Darmanin Demajo rrefera għall-allegat każ ta’ korruzzjoni tal-partita Norveġja vs Malta fejn ħabbar li d-deċiżjoni finali tal-Control and Disciplinary Body tal-UEFA ser tittieħed fis-17 t’Awwissu li ġej.  Il-President ikkonferma li t-tliet plejers li kienu jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali se jiġu mressqa quddiem l-istess bord f’din id-data peress li l-każ kien ġie pospost wara li l-istess plejers talbu li jippreparaw id-difiża tagħhom. NDD semma wkoll l-allegat każ ġdid li qed jiġi nvestigat u li mistenni jitressaq nhar it-Tnejn li ġej. Huwa qal li l-MFA qed tħares lejn dan il-kankru b’perspettiva oħra fejn qed tagħti amnestiji lil min jitkellem sabiex tkun żgura li teqred il-korruzzjoni.

Responsabbilta ta’ integrita għandha taqa’ wkoll fuq il-coaches fejn wara l-ħidma estensiva li qed issir fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA sabiex tipproduċi head coaches kwalifikati, il-coaches għandhom jibqgħu jiżviluppaw it-tagħlim tagħhom b’mod kontinwu u jħarsu lejn Ta’ Qali bħala ‘Open Learning Centre’. NDD qal ukoll li ġie ntrodott Sports Science Centre fi ħdan l-istess Ċentru Tekniku grazzi għall-ħidma sfiqa tal-istaff kollu taħt it-tmexxija ta’ Robert Gatt li rnexxielhom jagħmlu rivoluzzjoni fis-silenzju.

Fit-tieni parti tad-diskors, il-President tal-MFA tkellem fid-dettall dwar il-Financial Fair Play u filwaqt li reġa’ rrefera għall-korruzzjoni li qal li ma jemminx li ma teżistix lokalment wkoll min-naħa ta’ klabbs u Presidenti bħalma teżisti f’kull pajjiż fid-dinja, talab lill-klabbs sabiex jieħdu responsabbilta.

Norman Darmanin Demajo tkellem dwar l-importanza li l-klabbs kollha għandhom jibbilanċjaw il-kotba tagħhom u jimxu mar-regoli tal-Financial Fair Play fejn irrefera għaliha bħala l-ikbar unur li klabb jista’ jakkwista u mhux aċċettabbli li jintrebħu tazzi a skapitu ta’ dejn enormi.

L-amministraturi tal-klabbs hemm bżonn li jbiddlu l-mentalita ta’ kif jieħdu ħsieb l-infrastruttura u l-plejers żgħażagħ tagħhom.  Huwa qal li l-klabbs għandhom jagħtu iktar spazju lill-home grown players u mħgandhomx minnufih ifittxu s-soluzzjonijet fil-plejers barranin.

NDD irrimarka l-fatt li t-tfal Maltin kapaċi jħabbtuha ma kulħadd fuq livell Internazzjonali iżda minħabba struttura amministrattiva żbaljata, ħafna minnhom qegħdin jintilfu meta jikbru.  Il-President tal-MFA wera l-ħsibjiet tiegħu dwar l-istrutturi tal-klabbs lokali fejn iħoss li minħabba l-fatt li r-responsabbiltajiet kibru ħafna, m’għadhomx siguri u għaldaqstant għandna nibdew nikkunsidraw bis-serjeta strutturi ta’ ownership u trasformazzjoni tal-klabbs f’kumpaniji.

Finalment, Norman Darmanin Demajo talab aktar koperazzjoni mill-MEPA ta’ kull meta f’isem il-klabbs tapplika għall-proġetti ġodda minkejja li stqarr li kien hemm progress evidenti.

 


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/il-verdett-finali-norvegja-vs-malta-ghas-17-tawwissu/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.