Il-Qriema jżommu lic-Champions

Sunday, October 6, 2013, 12:12

Minn Robert Busuttil


Qormi ………….1

Birkirkara………1


Qormi rnexxielhom iżommu liċ-Champions Birkirkara u tellfulhom żewġ punti prezzjużi fl-objettiv tagħhom li jirbħu l-Kampjonat għat-tieni sena konsekuttiva. L-Istripes ippruvaw minn kullimkien sabiex jaslu għar-rebħa iżda sabu lid-difiża ta’ Qormi ddixxiplinata u ma ċedietx pulzier wieħed!

Qormi kellhom nieqes lil Emerson Vella, Francesco D’Aniello u Roderick Sammut filwaqt li l-kowċ Karkariż, Paul Zammit iddeċieda li jħalli lil Edward Herrera u Matheus Bissi fuq il-bank tas-sostituti.

Birkirkara ppruvaw mal-ewwel juru d-dominanza tagħhom sa minn kmieni fil-partita, b’pussess kontinwu iżda sabu lid-difensuri Qriema sodi daqs blata.

Kienu Qormi li kellhom l-ewwel ċans tal-partita meta fil-21 minuta, Duncan Pisani għadda lejn Alfred Effiong, li wara li kkontrolla tajjeb, ġiegħel lil Haber isalva x-xutt fil-baxx tiegħu għal korner.

Fit-43 minuta dwett tajjeb bejn Haruna Shola Shodiya u Frank Temile, spiċċa b’dan tal-aħħar jixħet bir-ras ftit għoli mil-lasti difiżi mill-gowler Farrugia.

Fit-tieni taqsima, Birkirkara rnexxielhom jaqtgħu xewqithom hekk kif huma fetħu l-iskor. Kien passaġġ tajjeb ta’ Frank Temile li sab lil SHOLA SHODIYA li fajjar xutt minn barra l-kaxxa li ħasad lil Matthew Farrugia.

Birkirkara ppruvaw jagħlqu l-partita iżda ftit setgħu jkomplu jaslu lejn il-kaxxa Qormija.

Biex imbagħad wasal dak il-gowl li kessaħ lill-partitarji Karkariżi. Fil-fatt kien fis-67 minuta li Leonardo Gabrieli effettwa kross mix-xellug b’Haber jippanċja kif jista’. Iżda mir-ribawnd RICCARDO INNOCENTI għamilhom 1-1 fost id-diżappunt Karkariż u l-ferħ tal-Qriema.

Fil-71 minuta, Shodiya għal Birkirkara kkrossja tajjeb u sab ir-ras tas-sostitut Demba Toure iżda Matthew Farrugia reġa qallu le sabiex salva r-riżultat għat-tim tiegħu.

Referi: Kevin Azzopardi.

BOV Plejer tal-Logħba: Paul Fenech

Ritratt: Joe Borg





Leave a comment