Il-PN jifraħ lil William Chetcuti għas-suċċess tiegħu fir-reklutaġġ fil-Unit Sportiva tal-AFM

Wednesday, May 29, 2013, 16:39
Il-Unit Sportiva fl-Armata, il-Boroż ta’ Studju għall-Isportivi u l-Iskema ta’ Leave bi Ħlas għall-Isportivi huma kollha skemi li tniedew fil-leġislatura li għaddiet biex l-isport Malti jitqiegħed fuq sisien sodi.

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lit-tiratur u champion tad-dinja William Chetcuti, li hu wieħed mill-atleti li gawda minn dawn l-iskemi u li ġie ngaġġat mal-Unit Sportiva tal-Forzi Armati ta’ Malta wara li lesta l-fażi ta’ reklutaġġ b’suċċess. Fl-istess waqt, jawgura li l-isportivi jikkonkorru għall-Boroż ta’ Studju ta’ din is-sena kif ikkonkorrew fl-ewwel edizzjoni tagħhom fl-2012.

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon is-sejħa għal applikazzjonijiet għall-Boroż ta’ Studju Sportivi mnedija mill-Gvern fl-aħħar ġranet. Dawn il-Boroż ta’ Studju kienu mnedija għall-ewwel darba minn Gvern Nazzjonalista fil-leġislatura li għaddiet bil-għan li jippromwovi aktar l-isport fuq livell professjonali. Dawn il-Boroż ta’ Studju kienu mmirati kemm lejn l-atleti li jixtiequ jieħdu taħriġ professjonali biex itejbu l-ħiliet tagħhom f’dixxiplina sportiva partikolari, kif ukoll għal dixxiplini anċillari li jqiegħdu l-prattika sportiva fuq bażi professjonali bħal Sport Managment and Administration, Sport Psychology, Coaching, Sports Medicine, Sports Law u Health & Fitness.

Din l-inizzjattiva, kif ukoll l-iskema 20/20 Sports Training Leave Scheme u t-twaqqif tal-Unit Sportiva fl-Armata, li jaghtu sa massimu ta’ 20 u 40 siegħa leave bi ħlas fil-ġimgħa lil sportivi nazzjonali biex jitħarrġu u jikkompetu għal pajjiżna, flimkien ma’ aktar minn 70 inizjattiva li tniedew fil-leġislatura li għaddiet minn Gvern Nazzjonalista, firxu s-sisien għal prattika professjonali fl-isport.

Robert Cutajar, il-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, qal dan filwaqt li stqarr li l-Partit Nazzjonalista jifraħ b’ kull inizjattiva tajba li tista’ tgħin lill-isport u lill-isportiv Malti jirnexxi. Hu nnota wkoll li b’mod ripetut Gvern Laburista qed jipprova jieħu kreddtu ta’ inizjattivi li kienu diġà tnedew mill-Gvern Nazzjonalista preċedenti.





Leave a comment