Il-Players tan-Nazzjonal se jidħlu fil-GWU?

Sunday, February 6, 2011, 23:10

Fil-programm Kontrattakk, li jixxandar il-Ħadd filgħaxija fuq TVM , tħabbar dan li ġej waqt ir-rokna poploari X’Qed Jinħema.

Il-plejers se jidħlu fil-GWU?

Artiklu li ġie ppublikat fil-Ġurnal l-Orizzont din il-ġimgħa ntitolat “Players tal-Futbol, ħaddiema wkoll” miktub mid-Deputat Segretajru Ġenerali tal-GWU (General Workers Union) Michael Parnis ħoloq ansjeta liema bħalha fost diriġenti tal-klabbs lokali u anki fost diriġenti tal-MFA. Dan għaliex f’dan l-artiklu, Parnis tkellem dwar id-drittijiet fundamentali ta’  kull ħaddiem li jkollu paga xierqa b’referenza għall-plejers tal-futbol li bħala għajxien tagħhom jiddependu minn dan l-isport. Parnis kien qed jagħmel referenza għall-aħħar drama miktuba mill-MFA li ddeċidew li jneħħu għal kollox l-allowance lill-plejers tat-tim nazzjonali għat-taħriġ li jattendu.

Sorsi ta’ min jorbot fuqhom ikkonfermaw li hemm nukleu ta’ plejers li fosthom hemm plejers li jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali Malti li bdew javviċinaw esperti fil-qasam legali u fil-qasam tal-unions Maltin biex jingħataw parir dwar kif għandhom jirreaġixxu għal din l-aħħar deċiżjoni kontroversjali mill-MFA. Xi plejers li tkellmu magħna saħansitra qed jaħsbuha li jidħlu membri f’waħda mill-Unions prinċipali tal-pajjiż biex din tkun tista’  taqbeż għad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Juventus Soccer School għal darb’oħra f’Turin

It-tfal membri fi ħdan il-Juventus Soccer School Malta li hija rrapreżentata f’Malta mill-kumpanija Events Services se jerġa’ jkollhom l-opportunita` li jmorru għall-mawra f’Turin fl-Italja. Din se tkun it-tieni darba mill-bidu tal-istaġun li l-plejers żgħar ta’ din l-iskola se jkollhom l-opportunita` li jwettqu sessjonijet ta’  taħriġ fi Grugliasco fejn mistennija wkoll jilgħabu xi partiti ta’ ħbiberija. Apparti t-tfal tal-Juventus Soccher School Malta, Events Services qed tiftaħ din l-opportunita’ wkoll lin-Nursuries Maltin kollha sabiex jekk huma nteressati jingħaqdu ma’ dan il-Grupp li se jkun Torino bejn l-4 u t-8 ta’ Marzu waqt il-vaganzi tal-Karnival tat-tfal.  Min jixtieq iktar informazzjoni jista’ jibgħat email fuq eventsservices@gmail.com jew iċempel lil Charles Borg Head Coach fuq 99516062.

Floriana: Lura għan-Normalita`

Kollox jidher li ġie għan-normalita` fi ħdan il-kumitat ta’  Floriana FC hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija Johann Said, President ta’  Floriana ta spjegazzjoni tas-sitwazzjoni u kkalma l-animożita` li setgħet inħolqot wara li hu kien irriżenja fil-bidu tal-ġimgħa. Għal din il-laqgħa għall-membri ta’  Floriana, attendew mat-300 partitarju li fosthom kien hemm 70 li ħallsu għall-ewwel darba t-tessera ta’ sħubija mal-klabb Furjaniż. L-uniku riżenja li ma ġietx revokata sal-Ħadd filgħodu kienet dik tas-Segretarju Matthew Paris li dan kien laħaq informa bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali tal-MFA bir-riżenja tiegħu. Kontrattakk hu nfurmat li Matthew Paris xorta waħda llum ħa ħsieb l-line up tal-plejers fil-konfront ta’ Sliema W. Għada hija skedata laqgħa tal-kumitat ta’  Floriana li għaliha Matthew Paris qed jippjana li jattendi u li fiha mistenni li jinforma lill-Kumitat li se jerġa’ jidħol bir-responsabilitajiet tiegħu bħala Segretarju.

Il-Pulizija nkwetata għal nhar is-Sibt

Kif kulħadd jaf nhar is-Sibt li ġej se tintlagħab il-logħba tant mistennija bejn Valletta u Floriana … iżda fl-istess ġurnata avveniment ieħor kbir u mistenni ta’  kull sena f’pajjiżna huwa l-Malta Eurovision song contest 2011 li din is-sena se jsir ġewwa Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta. Il-pulizija tinsab għaddejja b’xogħol sabiex tikkordina s-sitwazzjoni ta’ konġestjoni ta’  traffiku li mistennija tinħoloq wara l-partita, hekk kf ġeneralment wara l-logħbiet Valletta vs Floriana, Triq Sant’ Anna fil-Floriana tingħalaq sabiex il-partitarji tal-Belt ma jitħallewx jgħaddu minn hemm. Aħna nsaqsu … kif se jagħmlu triqithom l-eluf ta’  supporters biex jirritornaw fi djarhom u l-eluf ta’ mistedna biex jaslu ġo Dar il-Mediterran? Għandha tinbidel il-fixture? Nistennew u naraw… U ma ninsewx li teżisti l-possibilta` remota kemm hi remota li jekk nhar il-Ħamis 10 ta’  Frar, festa ta’  San Pawl nawfragu fil-belt Valletta ma toħroġx il-purċissjoni ta’  filgħaxija, din tkun posposta ukoll għas-Sibt filgħaxija… Korp tal-pulizja Please Take Note.

Xi ġralhom is-supporters ta’  Valletta?

Innutajna li għal-logħba ta’  lbieraħ bejn Valletta u Ħamrun S., partitarji partikolari li s-soltu naraw il-grawnd, fosthom dawk tal-Valletta Supporters Club ma kinux fl-enclosure b’forma ta’  protesta. Innutajna wkoll li lanqas il-banda li s-soltu tkun preżenti fost il-partitarji ta’  Valletta, ilbieraħ lanqas ma kienet Ta’  Qali. Innutajna wkoll li l-moviment li s-soltu jsir fil-half time qalb il-partitarji ta’  Valletta fejn titla’ l-lotterija u jsir bejgħ minn fuq it-tilar lanqas ma sar. Jidher li din id-deċiżjoni tal-partitarji leali ta’  Valletta saret b’turija ta’  solidarjeta` mal-President Victor Sciriha wara li dan iktar kmieni din il-ġimgħa kien ċanfar lil dawk il-partitarji ta’  Valletta li kienu qegħdin jitilgħu l-grawnd u jagħmlu ħsara lis-siġġijiet u affarijiet oħra fil-grawnd u anki b’tgħajjir dispreġjattiv u kliem ħażin. Sciriha kien saħansitra żvela li l-klabb kien qed jeħel kważi elfejn ewro multa kull partita li jilagħbu Valletta u prattikament il-gate money li s-soltu jkun dovut lil Valletta, qed ikun miżmum mill-MFA biex jinqatgħu dawn l-ispejjeż inutli ta’ ħsara lis-siġġijiet u multi fuq kliem ħażin. Riċentement il-eltin weħlu wkoll 600 ewro talli ntefgħu tliet tazzi tal-plastik bil-birra fil-grawnd u fil-VIP. Sfortunatament mhux il-maġġoranza tal-partitarji ta’ Valletta qed jagħmlu l-ħsara iżda dawk il-ftit individwi li jitilgħu l-grawnd b’għanijiet oħra. Minn hawn nagħmlu appell mhux biss lill-partitarji ta’  Valletta iżda lill-partitarji kollha sabiex ma jagħmlux ħsara l-grawnd għaliex fl-aħħar mill-aħħar, il-klabb tagħhom se jkun qed iħallas.





3 Comments

  1. BELTI KBURI says:

    TAHSEB BILLI GEW DRAW GARA XI HAGA IC-CHE JEW INKELLA GHAJJUR GHAL BELT GHAX NAHSEB TOQODLOK IKTAR GELOUS GUY

    [Reply]

  2. ic-che says:

    xi gralhom il-partitarji ta’Valletta? 
    Jew forsi bassru/kienu jafu li ma kienux se jirbhu ma’HAMRUN… ?

    [Reply]

    FORZA VALLETTA CITY Reply:

    FORZA VALLETTA CITY

    [Reply]

Leave a comment