Il-Pembroke – Swieqi Road Races 2019

Monday, March 18, 2019, 9:24

Fil-Konferenza għall-Istampa mtella’ fil-Eurosport ta’ Birkirkara, il-President ta’ Pembroke Athleta Athletics & Triathlon is-Sur Victor Camilleri, ta d-dettalji dwar it-tiġrijiet popolari ta’ Pembroke u Swieqi, issa li laħqu l- 25 anniversarju tagħhom u li ser jittellgħu fil-31 ta’ Marzu.

Il-President qal li l-applikazzjoni tista tiġi mimlija elettronikament u anke jsir il-ħlas meġtieg permess tal-PayPal fuq ww.pembrokeathleta.com  jew fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Klabb, minbarra l-mezzi konvenzjonali. Is-Sur Victor Camilleri kompla billi stqarr li l-Klabb jagħti ħafna importanza fuq parteċipazzjoni sana lejn l-iżvilupp tal-kunċett favur l-eżerċizzju, speċjalment minn età bikrija.

Kompla li din kienet ir-raġuni l-popolarita tal-Fun Run, fejn bosta ġenituri u familjari oħra jieħdu parti wkoll f”din l-attività li tkun il-bidu ta’  ħajja ta’ eżercizzu aerobatiku tul il-ħajja. Il-President qal li bħal snin oħra l-Fun Run tinżamm f’sensiela ta’ tlielaq sabiex kemm jista jkun tfal jieħdu parti ma’ oħrajn tal-istess età u għandha tibda fl-10.30am, wara l-Walkathon u tiġrija tal-5km li jibdew fit-8.30a,m. segwiti 10 minuti wara bit-tellieqa twila ta’ 10km u dawk għaż-żgħażagħ fl-10 a.m., twal 3 km.

Iż-żewġ Sindki tal-kunsilli rispettivi ta’ Swieqi u Pembroke, is-Sinjuri Noel Muscat u Dean Hili, fi ktejjeb mitbugħ għall-okkażjoni, tennew li l-appoġġ tagħhom, mogħti sena wara l-oħra matul is-snin ma kienx ser jonqos, għaliex il-benefiċċju mirbuħ kien xhieda biżżejjed sabiex iħeġġiġhom jagħmlu dan.

Is-Sur Camilleri irringrazzja dawk kollha preżenti u rringrazzja speċjalment il-Ministeru tal-Edukazzjoni, SportsMalta, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Forzi tal-Ordni, u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Atletika, għas-sostenn kontinwu tagħhom. Żied jgħid li f’Pembroke Athleta, il-Kunsilli Lokali kellhom mera u kienu xhieda tax-xogħol fl ispirtu veru tal-volontarjiet fost it-tfal u żgħażagħ mwettaq mill-Klabb permess tal-isport.

F’dan il kuntest, is-Sur Camilleri stqarr li għaldaqstant il-Klabb kien għadu jittama li, bħala organizzazzjoni li tħaddan bosta friegħi ta’ sport, it-talba pendenti sabiex il-klabb u l-proprjeta ta’ madwaru jkun esklussivi għalih fuq ċens għal numru ta’ snin, tintlaqa’ u sseħħ il-ħolma li l-klabb ikun jista jikkumerċjalizza l-facilità. Ħolma oħra tal-klabb, li faċilment issir possibbli tirrigwarda l-iskola tal-Kullegg Santa Klara u l-art li fiż-żmien kienet parade ground tal-Armata Ingliża. Din il-wesgħa, bħal ma sar ma reġjuni oħra ta’ Malta, tista titpoġġa fuq tartan track, fejn wara l-ħin tal-iskola, isservi għat-taħriġ ta’ bosta atleti, u dan mhux biss għall-membri tal-klabb.

Is-Sur Camilleri għalaq il-Konferenza Stampa billi irringrazzja l-isponsors ewlenin tiegħu l-EUROSPORT, l-ATTRANS, Safari Juices u ilma Fontana, l-A to Z Electronics, il-Vee Gee Bee Art, Nesquik u l-YUE Fitness Centre Naxxar ghas-support sfiq tagħhom sabiex dan l-avveniment ikun suċċess u wieħed memorabbli.





Leave a comment