Il-Pawlisti fuq quddiem

Tuesday, August 27, 2013, 8:55

Minn Robert Busuttil

Wara li għaddiet it-tieni ġurnata tal-BOV Premier League huma Hibernians li nistgħu ngħidu li huma l-liders assoluti fil-klassifika wara li għelbu ostaklu iebes kontra Valletta.

Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għat-tim immexxi minn Branko Nisevic.

It-tim ta’ Raħal Ġdid kien kapaċi jdawwar ir-riżultat favurih wara li sab ruħu żewġ gowls minn taħt bi ġmiel ta’ gowls li skurjaw l-attakkanti Beltin Barry u Denni. Kulħadd kien qed jistenna dominju Belti hekk kif sa dak il-ħin l-attakkanti ta’ Hibs qajla resqu lejn il-lasti ta’ Marino.

Madankollu huma bdew ikunu avventurużi u wara li Levnaic naqqas l-iskor ftit qabel intemmet l-ewwel taqsima, Valletta spiċċaw b’10 min-nies għat-tieni logħba konsekuttiva wara li tkeċċa Denni.

B’hekk Hibernians approfittaw bil-vantaġġ numeriku u wara li Tarabai skorja minn rokna mpossibli kien imiss lil Jean Paul Farrugia li wara paprata tal-gowler Marino ma kellu l-ebda problema jitfa’ fix-xibka.

Fil-logħba l-oħra prinċipali li ntlagħbet ġurnata qabel, Sliema u Birkirkara ġew dro ta’ 1-1 f’logħba bejn żewġ timijiet li rebħu l-ewwel konfront tagħhom. Kien konfront li spiċċa fi dro ukoll bejn l-aqwa żewġ gowlers ta’ Malta, Justin Haber għal Birkirkara u Henry Bonello għal Sliema li laqgħu dak li ġie għall-idejhom b’eċċezzjoni tal-gowls skorjati minn Demba Toure (B’Kara) u Matias Muchardi (Sliema). Wara kollox kien riżultat ġust f’logħba li kellha diversi azzjonijiet tajba.

Balzan u Naxxar komplew jiġbru l-punti wara li rebħu  lil Rabat u Qormi rispettivament b’dawn tal-aħħar jerġgħu jiddiżapuntaw hekk kif għadhom ma kisbu l-ebda punt minn żewġ logħbiet.

Min-naħa l-oħra Tarxien u Mosta wara li tilfu l-ewwel konfronti tagħhom pattewlu bil-kbir b’rebħiet tajba kontra Floriana u Vittoriosa rispettivament.

Fit-tieni ġurnata tal-Kampjonat kellna:

-        Reġgħu ġew skorjati 17 –il gowl l-istess bħal ġimgħa l-oħra.

-        33 karta safra.

-        Karta Ħamra waħda – Denni Rocha dos Santos (Valletta)

-        It-tieni telfa konsekuttiva għal Rabat Ajax u Qormi.

-        It-tieni rebħa konsekuttiva għal Hibs.

Dawn huma r-riżultati kollha tat-tieni ġurnata tal-BOV Premier League:

Qormi vs Naxxar Lions 1-2

Birkirkara vs Sliema Wanderers 1-1

Balzan vs Rabat Ajax 2-0

Floriana vs Tarxien 1-2

Mosta vs Vittoriosa Stars 2-0

Valletta vs Hibernians 2-3

Klassifika

Hibernians 6 punti

Sliema, B’Kara, Naxxar, Balzan 4 punti

Tarxien, Mosta, Valletta 3 punti

Qormi, Rabat 0 punti

Floriana -5 punti

Logħob li jmiss:

Is-Sibt 31 t’Awwissu 2013

Stadium Nazzjonali:

18.30 – Sliema W vs Naxxar L

20.30 – Valletta vs Floriana

Victor Tedesco Stadium

18.30 – Vittoriosa S vs Hibs

20.45 – Birkirkara vs Balzan

Il-Ħadd 1 ta’ Settembru 2013

18.30 – Rabat vs Mosta

20.30 – Tarxien R vs Qormi

(Ritratti ta` Joe Borg)





Leave a comment