Il-Pawlisti baqgħu jirbħu iżda……

Sunday, October 6, 2013, 11:52

Minn Robert Busuttil


Hibernians…………2

Mosta……………….0


Hibernians baqgħu jżommu r-rekord ta’ rebħ konsekuttiv meta xejjnu l-isfida ta’ Mosta f’logħba sostanzjalment divertenti b’diversi azzjonijiet miż-żewġ naħat. Ma kinitx faċli għal Pawlisti li jaslu għal dan ir-riżultat hekk kif it-tim ta’ Danilo Doncic wera li huwa għadma iebsa għal kull avversarju.

Differenza ta’ sitt punti kienet qed tifred lil dawn iż-żewġ timijiet qabel ma’ beda l-konfront.

Hibernians kellhom nieqes liż-żagħżugħ Jean Paul Farrugia minħabba sospensjoni filwaqt li l-Mostin kellhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Ryan Grech u l-imweġġa Diego Pereira.

Kienu Hibernians li ħolqu l-ewwel azzjoni meta fit-tieni minuta frikik ta’ Andrew Cohen spiċċa għoli mil-lasti ta’ Omar Borg.

Fit-tmien minuta Bojan Kaljevic għal Mosta, wara li kkontrolla tajjeb b’rasu ġera ġirja tajba u fajjar xutt tajjeb li ġiegħel lil gowler Muscat jinxteħet għal tulu.

Lanqas laħqet għaddiet minuta li Mosta ma reġgħux heddew il-lasti Pawlisti. Kien xutt minn barra l-kaxxa ta’ Cristian Martins Fernandes li reġa ra lil Mario Muscat attent.

Fit-13 –il minuta Hibernians ippruvaw iwettqu reazzjoni minn kross ta’ Dias  li sab lil Failla u x-xutt tiegħu sab lid-difensur Kane Farrugia li kklerja fil-ħin.

Għaddew żewġ minuti u Cristian Martins Fernandes reġa ttanta xortih minn barra l-kaxxa iżda Muscat reġa qallu le.

Sbatax il-minuta logħob u frikik ċentrali ta’ Clayton Failla sab lil Omar Borg pront pront isalva.

Mosta komplew joħolqu okkażjonijiet u fl-24 minuta, xutt ta’ Lucas Duriska għadda ċentimetri barra mil-lasti ta’ Muscat.

Biex imbagħad fl-40 minuta, Jonathan Pearson tilef ballun fil-kaxxa ta’ Hibs, approfitta Bojan Kaljevic li seraqlu l-ballun u pprova x-xutt u Mario Muscat tefa’ f’korner.

Eżatt mat-tmiem l-ewwel taqsima, Mosta pprotestaw għal penalti wara li Jackson Lima għal Hibs deher imiss il-ballun b’idu minn kross ta’ Alex Cini.

Bdiet it-tieni taqsima b’deċiżjoni xi ftit diskutibbli. Kien Tarabai illi fil-51 minuta daħal fil-kaxxa u ġie kkuntrastat minn Kane Farrugia. Hawnhekk ir-referi Caruana pponta subgħajh lejn id-disk tal-penalti fost il-protesti kontinwi tal-plejers u partitarji Mostin li sostnew li l-fawl sar barra l-kaxxa. Mill-ħdax –il metru Failla għamilhom 1-0. Għall-attakkant Pawlist dan kien ir-raba’ gowl tal-Kampjonat.

Żewġ minuti wara Hibs spiċċaw b’10 plejers wara li tkeċċa Ryan Camilleri bit-tieni karta safra.

Mas-siegħa logħob Ekani seraq ballun fil-kaxxa Pawlista u x-xutt tiegħu spiċċa barra.

Fit-78 minuta minn kross ta’ Lima, Tarabai minn mal-art tefa’ bir-ras ġie mxellef għal korner.

Fis-87 minuta Hibs għal ftit m’għamluhomx tnejn meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Levnaic spiċċa mal-mimduda.

Fil-ħin miżjud ħarba ta’ Obiefule li waħdu quddiem Borg ma sabx diffikulta jirdoppja u jissiġilla r-rebħa għal Hibernians.

Referi: Paul Caruana.

BOV Plejer tal-Partita: Rodolfo Soares

Ritratt: Joe Borg





Leave a comment