Il-Mostin jkomplu jikkonvinċu

Monday, September 23, 2013, 10:36

minn Robert Busuttil


Mosta………….3

Balzan………….1


Mosta ma tantx damu biex reġgħu daqu t-togħma tar-rebħa wara li offrew wirja qalbiena li ġabet fix-xejn lill-Balzan ta’ Riccardo Tumiatti. Inċidentalment din kienet it-tielet rebħa f’dan il-Kampjonat għat-tim ta’ Danilo Doncic.

Min-naħa l-oħra Balzan iddiżappuntaw ferm. Wara l-kampanja akkwisti intensiva li kellhom,  fejn xtraw xejn inqas minn tnax –il plejer, ir-riżultati baqgħu ma ġewx kif mixtieq u għall-kronaka din kienet it-tielet telfa konsekuttiva li kienu qegħdin iġarrbu.

Il-bidu kien wieħed kwiet fejn sal-ewwel kwarta ma kienx hemm azzjoni denja ta’ nota.

Iżda fis-17 –il minuta Mosta ngħataw penalti meta Mark Spiteri ta’ Balzan ġibed lil Mano Micallef ta’ Mosta sabiex ir-referi Clayton Pisani pponta subgħajh lejn iċ-ċirku l-abjad tal-kaxxa.

Mill-ħdax –il metru nkariga ruħu BOJAN KALJEVIC li ma żbaljax sabiex tefa’ lill-Mostin fil-vantaġġ. Għal Kaljevic dan kien it-tieni gowl għalih fil-Kampjonat.

Il-Balzanin dehru miblugħa b’dak li ġara sabiex Mosta approfittaw u rduppjaw! Kien kross mil-lemin ta’ Alex Cini u daqqa ta’ ras ta’ RYAN GRECH għelbet lil Martinez.

L-ewwel azzjoni Balzanija waslet fis-37 minuta meta xutt fil-baxx ta’ Mark Spiteri għadda barra.

Mosta rrispondew meta Bojan Kaljevic tefa’ għoli fuq kross tajjeb tas-solitu Cini.

Kif bdiet it-tieni taqsima, Balzan ħarġu b’aktar intensita’ u sabu x-xibka grazzi għas-sostitut RYAN DARMANIN li wara pass tajjeb ta’ Calabretta għeleb lil Omar Borg.

Iżda l-istess Balzanin kienu sfortunati li spiċċaw b’raġel inqas fis-56 minuta meta Firas Aboulezz intwera l-karta l-ħamra wara li ttakilja b’mod xi ftit irregolari lil Ekani Rodriguez.

Is-superjorita’ numerika kompliet tgħin lil Mosta li baqgħu jamministraw il-logħba sakemm fit-83 minuta skorjaw it-tielet gowl. Kienet ġirja tipika tal-ġeneruż Yuri Messias li ġibed għax-xellug u qassam lil DIEGO PEREIRA li waħdu xxamplat xeħet ġewwa.

Sfortunatament għal Pereira fl-azzjoni tal-gowl weġġa u wara li kienu saru t-tliet sostituzzjonijiet, Mosta kellhom jilagħbu b’10 plejers.

Minkejja kollox il-baħrin tal-kaptan Danilo Doncic baqgħu attenti sabiex b’din ir-rebħa, huma telgħu waħedhom fil-ħames post tal-klassifika

 




Leave a comment