Il-Mostin jiehdu 3 punti fl-aħħar

Monday, August 26, 2013, 14:25

Minn Robert Busuttil


Mosta ………2

Vittoriosa S..0


Żewġ gowls fl-aħħar kwarta tal-logħba taw rebħa mistħoqqa lil Mosta fuq Vittoriosa f’partita fejn iddominaw għal ħinijiet twal għalkemm ħlew diversi ċansijiet lejn il-lasti avversarji.

Vittoriosa min-naħa tagħhom sabuha diffiċli jippenetraw lid-difiża Mostija mmexxija minn Tyrone Farrugia u Kane Farrugia, filwaqt li kkomettew diversi żbalji difensivi.

Il-barrani Diego Pereira jibqa’ jiftakar żgur din il-partita għat-tliet lasti li laqat li flimkien ma’ dik ta’ Manolito Micallef raw lil Mostin jaħsbu li kien hemm xi tip ta’ seħer fil-lasti Ġirbin.

Fit-tieni taqsima, il-kowċ tal-Birgu Oliver Spiteri daħħal jilgħab lil Felipe Aguiar u dan mal-ewwel wera l-preżenza tiegħu meta laqat il-lasta b’xutt minn barra l-kaxxa.

Il-Mostin ippruvaw iżda baqgħu jaħlu diversi ċansijiet darbtejn oħra mill-Montegrin Duriska li spara għoli mil-lasti Ġirbin.

Fis-77 minuta kellu jkun is-sostitut Mosti CRISTIAN MARTINS li b’ġirja minn tiegħu ħarbat lid-difiża ta’ Vittoriosa Stars ġie wiċċ imb’wiċċ mal-gowler Vella u tefa’ fil-baxx sabiex fetaħ l-iskor għat-tim tiegħu.

Hawnhekk rajna lill-Ġirbin maħsuda fejn ippruvaw joħolqu xi ħaġa sabiex jġibu l-gowl tad-dro. Madankollu kienu Mosta li rduppjaw meta l-awtur tal-gowl Martins avvanza fil-kaxxa u ġie mwaqqaf minn Clive Spiteri. Mill-ħdax il-metru inkariga ruħu BOJAN KALJEVIC li tefa’ l-ballun naħa u l-gowler naħa oħra.

B’hekk Mosta kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun bil-Ġirbin li issa jridu jibdew jaħsbu kif se jwaqqfu lil-liders Hibernians li magħhom imisshom fi tmiem il-ġimgħa li ġejja.

 




Leave a comment