Il-Ministru għal Għawdex f’laqgħa mal-Għaqda Ġurnalisti Sports

Friday, August 4, 2017, 19:01

F’laqgħa li saret fil-Ministeru għal Għawdex, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ltaqgħet mal-eżekuttiv il-ġdid li għadu kif ġie elett tal-Għaqda Ġurnalisti Sports.

Il-Ministru Caruana bdiet l-indirizz tagħha billi ferħet lill-President il-ġdid tal-Għaqda Sandro Micallef, li ġie maħtur bħala r-raba’ President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports wara li Charles Camenzuli ħalla dan il-post li kien ilu jokkupa għal dawn l-aħħar erbatax-il sena, dan wara li ġie elett President tal-AIPS Europe u Viċi President tal-AIPS.

Fost it-temi diskussi waqt din iż-żjara kien hemm dik li Għawdex jiġi rreklamat bħala destinazzjoni turistika sportiva, kemm għall-assoċjazzjonijiet lokali kif ukoll dawk internazjonali. Hawnhekk il-Ministru Caruana enfasizzat l-impenn assolut tal-Ministeru għal Għawdex sabiex Għawdex ikun irreklamat fuq sfera internazzjonali sabiex din in-niċċa, li għandha potenzjal li tiżviluppa, tkompli tespandi.

Il-Ministru Justyne Caruana kompliet billi qalet li għandha ssir diskussjoni wiesgħa mal-istakeholders konċernati sabiex aktar turiżmu sportiv jiġi attirat lejn il-gżira Għawdxija. L-enfasi m’għandiex tibqa’ biss fuq sport wieħed partikolari, però fuq firxa usa’ ta’ sports u dan għax f’Għawdex hemm potenzjal, u l-Gvern għandu pjanijiet biex jissaħħu l-faċilitajiet sportivi f’Għawdex. Il-Ministru għal Għawdex semmiet bħala eżempju kif fil-ġranet li għaddew Għawdex kien il-post fejn intemmet it-tellieqa rinomata fil-qasam tal-ibburdjar, it-Trophée Bailli du Suffren. Dan iffisser li Għawdex għandu l-potenzjal li jattira avvenimenti bħal dawn, u l-Għaqda Ġurnalisti Sports għandha rwol importanti x’taqdi f’dan ir-rigward.

Sandro Micallef feraħ lill-Ministru Caruana fil-ħidma l-ġdida tagħha u stqarr li, kif inhi t-tradizzjoni, l-ewwel żjara uffiċjali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports dejjem kinet mal-Ministru għal Għawdex. Hu wiegħed is-sostenn kollu possibbli sabiex jintlaħqu l-objettivi li qed jipproponi l-Ministeru għal Għawdex.

Is-Segretarju tal-Għaqda Mark Mizzi rrimarka li Għawdex joffri diversi vantaġġi meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni li  hu mgħammar b’faċilitajiet tajba (u li hemm ukoll il-ħsieb li dawn jiġu mtejba u li jiżdiedu), klima attraenti, u l-fatt li ma tridx tivjaġġa ħafna sabiex tasal fid-destinazzjonijiet mixtieqa.

Il-Ministru Caruana tenniet li kemm il-Ministeru għal Għawdex kif ukoll il-membri tal-Għaqda Ġurnalisti Sports għandhom l-istess ideat u viżjoni sportiva għal Għawdex u kkonkludiet li b’impenn massimu mill-membri kollha kkonċernati, flimkien nistgħu nattiraw aktar attività u avvenimenti sportivi lejn il-gżira Għawdxija, u dan possibilment anke permezz ta’ konferenza li tista’ tiġi ppjanata fil-ġejjieni.

 

Ritratt: MGOZ





Leave a comment