Il-Malta Football Association (MFA) tagħmel referenza għall-artiklu miktub mis-sur Joe Mikallef

Thursday, May 28, 2015, 22:52

IF’dan l-artiklu, s-sur Mikallef qiegħed jagħmel allegazzjonijiet illi minn sorsi tiegħu persuni involuti fil-qasam tal-futbol Malti tawh informazzjoni illi , “saħansitra fil-Malta Football Association (MFA) hemm persuna jew aktar li huma … suspettati u involuti, direttament jew indirettament” f’xi forma ta’ korruzzjoni fil-futbol Malti.l-Malta Football Association (MFA) tagħmel referenza għall-artiklu miktub mis-sur Joe Mikallef, bit-titlu ‘Suspett ta’ ‘brimba’ fl-MFA fil-logħob illegali tal-betting’, fil-ħarġa tal-gazzetta Il-Mument tal-lum 24 ta’ Mejju 2015.

Oltre dan tali artiklu ikompli illi l-istess sorsi taw informazzjoni lil dan il-ġurnalist illi persuni qrib il-futbol lokali, direttament jew indirettament involuti fil-Premier League qegħdin regolarment jixtru plejers tat-tim tagħhom stess jew ta’ ħaddieħor b’rabta ma’ imħatri li jkunu saru fuq il-logħob kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

L-MFA qiegħdha fl-ewwel lok tistieden lil dan il-ġurnalist u lill-editur tal-ġurnal Il-Mument li jekk għandhom xi informazzjoni, jew inkella s-‘sorsi’ tiegħu għandhom xi informazzjoni dwar dak allegat fl-artiklu msemmi, dawn għandhom minnufih jinfurmaw lill-Pulizija sabiex tinbeda l-investigazzjoni neċessarja, hekk kif inhuma obbligati bil-Liġi.

Għal fini tal-korrettezza l-MFA tinforma illi fil-każ tal-partita play-off bejn Mosta FC u Gżira United FC, fil-jiem li preċedew il-partita, uffiċjali taż-żewġ klabbs avviċinaw lill-Integrity Officer tal-MFA sabiex jgħidulu li kellhom suspett illi l-plejers tagħhom kienu qed jiġu offruti ammonti ta’ flus sabiex jitilfu l-partita’. Madankollu, tali dikjarazzjonijiet kienu biss suspetti li ma kienux ibbażati fuq fatti, u fl-ebda ħin ma ġew prodotti provi. Minn hemmhekk il-President ta’ Gżira United FC, talab lill-MFA sabiex tara jekk tistax tintervjeni sabiex ma jsirux imħatri fuq il-partita. L-MFA tkellmet mal-kollaboraturi stretti tagħha fl-industrija tal-imħatri biex tara jekk teżistix din il-possibilita’ u ġie deċiż li dawn il-partners tal-MFA għandhom jagħtu l-parir lill-kumpanniji li joffru tali imħatri sabiex il-logħba ma tkunx ‘listed’ bħala prekawzjoni.

L-MFA ikkuntattjat ukoll lill-Pulizija sabiex tinfurmaha b’dawn l-iżviluppi u wara li l-Pulizija rat illi dak allegat kien ibbażat biss fuq xnigħat huma qablu ukoll illi l-MFA għamlet sew li ħadet il-prekawzjoni neċessarja mal-kumpanniji tal-imħatri.

Min-naħa tagħha il-Malta Gaming Authority (MGA) irċeviet ittra minn Gżira United FC fejn din ġiet infurmata illi l-club kellu ‘suspetti fondati’ illi l-partita’ kienet ser tkun suġġett għal atti ta’ korruzzjoni għal fini ta’ mħatri, fosthom li l-partita kienet ser tispiċċa bir-riżultat ta’ 3-2. Il-MGA fl-ebda ħin ma ġiet provduta b’xi provi dwar dak allegat minn Gżira United FC. Madankollu l-MGA ħadet hi ukoll passi preventivi u infurmat lill-kumpanniji tal-imħatri sabiex jekk jista’ jkun ma joffrux din il-parita’ għal-logħob tal-imħatri. Imkien ma ssemmew ċifri ta’ flus kif allegat fl-artiklu fuq imsemmi.

Il-MFA tinforma illi meta jkun hemm partiti deċiżivi lejn tmiem is-staġun dejjem ikun hemm xnigħat li jista’ jkun hemm xi korruzzjoni fl-istess partiti. Madankollu f’ 99% tad-drabi dawn ikunu ibbażati iktar fuq xi biżgħa ta’ telf tal-partita jew nuqqas ta’ fiduċja bejn il-klabbs, iktar milli fuq fatti konkreti.

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-futbol dejjem kienet priorita’ għall-MFA u dan jixhdu l-fatt illi l-MFA qiegħdha fuq quddiem nett tmexxi t-task-force illi ħolqot li qiegħda tindirizza din il-problema bl-għajnuna tal-Gvern, l-oppożizzjoni, il-Pulizija, l-MGA u l-Kunsill Malti għall-Isport. Madankollu wieħed irid jifhem illi kemm l-MFA, kif ukoll il-partners tagħha f’din il-ġlieda, inkluża l-pulizija, ma jistgħux u mhumiex ser jieħdu passi fuq sempliċi xnigħat li jkunu qed jingħadu fit-triq. Il-passi jittieħdu meta jkun hemm fatti konkreti li juru li partita’ tista’ tkun suġġett għal atti ta’ korruzzjoni u il-MFA temmen illi s-soċjeta’ kollha għandha obbligu li tagħmel l-istess, inkluża l-media li għandha rwol importanti ferm f’din il-ġlieda.

Pero’ l-istess media għandha toqgħod attenta li tirrapporta l-fatti u mhux is-suspetti ta’ individwi li jkunu viċin xi ġurnalisti, liema suspetti jkunu ibbażati fuq ix-xejn. Dan għaliex is-suġġett tal-korruzzjoni fil-futbol huwa serju ferm u rappurtaġġ magħmul ħażin jew ibbażat fuq xnigħat ma jagħmel xejn ħlief jikkawża ħsara bla bżonn u jagħmel ukoll ħsara inġusta lir-reputazzjoni ta’ persuni illi jagħtu l-ħin tagħhom għal-logħba tal-futbol.

Dan qed jingħad sabiex jekk is-sur Mikallef għandu provi għall-allegazzjonijiet magħmula fl-artiklu fuq imsemmi, dan jgħaddi minnufih din l-informazzjoni lill-Pulizija. Madankollu jekk tali allegazzjonijiet huma bbażati biss fuq spekulazzjoni l-MFA tistenna li tali allegazzjonijiet jiġu rtirati minnufiħ. Fin-nuqqas il-MFA ser tieħu dawk il-passi kollha neċessarji sabiex l-integrita’ tal-persuni kollha fi ħdan l-MFA u l-klabbs tagħha tiġi salvagwardjata.





Leave a comment