Il-Malta Employees Sport Association fil-European Company Sport Games f’Salzburg

Thursday, June 27, 2019, 10:18

Ilbieraħ filgħaxija saret iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tat-22 edizzjoni tal-European Company Sport Games fiċ-ċentru ta’ Salzburg. Aktar minn 7,000 atleta minn għadd ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom Malta, ħadu sehem f’ċerimonja ferm kulurita ta’ sagħtejn.

Il-kontinġent Malti, iffurmat minn 45 atleta, immarċja wara l-bandiera Maltija li ġarrha Kenneth Vella, rebbieħ ta’ 38 titlu tal-Badminton matul il-karriera tiegħu. Vella jifforma parti mit-tim tal-Badminton li se jkun qed jieħu sehem fit-turnament għal timijiet ‘il fuq minn 40 sena.

Waqt il-march-past tal-atleti Maltin indaqqet id-diska popolari Viva Malta tal-kantant Freddie Portelli.

Il-pajjiżi mmarċjaw f’ordni alfabetika, bl-Awstrija bħala organizzaturi jkunu l-aħħar pajjiż fil-march-past. Il-pajjiżi kollha li ħadu sehem kienu l-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Grecja, l-Italja, Iżrael, il-Latvja, il-Litwanja, in-Norveġja, l-Olanda, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u l-Ungerija.

Il-logħob kompetittiv beda l-Ħamis filghodu u jibqa’ sejjer sas-Sibt filgħaxija fejn jintemm biċ-Ċerimonja tal-Għeluq.

L-atleti Maltin se jieħdu sehem fl-Atletika, Badminton, Beach Volley, Bowling u d-Darts.





Leave a comment