Il-M.E.S.A. se torganizza l-Assemblea Ġenerali tal-E.F.C.S. f’Malta f’Ġunju 2018

Saturday, June 11, 2016, 12:14

Gavin Muscat

Il-Malta Employees Sports Association, li torganizza attivitajiet sportivi prinċipalment għal dipartimenti u entitajiet governattivi, ġiet fdata mill-Federazzjoni Ewropeja ta’ l-Isport tal-Kumpaniji, magħrufa bħala EFCS (European Federation for Company Sport), sabiex torganizza l-Assemblea Ġenerali ta’ l-istess Federazzjoni Ewropeja f’Malta f’Ġunju 2018.

L-EFCS, li twaqqfet fl-1962, hija rappreżentata f’39 pajjiż Ewropew u l-MESA affiljat magħha bħala membru fl-2014. Uffiċjali tal-MESA pparteċipaw fl-Assemblea Ġenerali tagħha f’dawn l-aħħar tliet snin, fejn fis-sentejn li għaddew din saret f’Riccione, l-Italja, u din is-sena l-Assemblea saret f’Palma de Mallorca fi Spanja.

Waqt dawn il-laqgħat il-MESA kienet dejjem rappreżentata minn Mark Marlow (President), Mario Saliba (Segretarju) u Kevin Mifsud (Teżorier). Ta’ min isemmi li sentejn ilu Mark Marlow kien anke nħatar Membru fl-Eżekuttiv tal-EFCS.

Fl-istess ħin f’Palma ġew organizzati l-ewwel World Company Sports Games li fihom il-MESA kienet rappreżentata b’team tal-Badminton u ieħor tal-Bowling.

It-team tal-Badminton, iffurmat minn Edmond Abela, Joanna Cassar, Catherine Dimech, Stephen Ferrante u Kenneth Vella, ħadu sehem fil-kategorija tal-Masters (+40 sena) u rnexxielhom jaslu sal-finali fejn tilfu 3-1 kontra t-team Ġermaniż E.ON HanseWerk biex spiċċaw it-tieni u rebħu l-midalja tal-fidda.

Fi triqithom lejn il-finali, it-team Malti kisbu rebħiet kontra żewġ clubs Ġermaniżi fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni, jiġifieri AWO BSG Berlin u LBS Westdeutsche. Fil-kwarti-finali huma għelbu lil Dassault Sports ta’ Franza, waqt li fis-semi-finali reġgħu ffaċċjaw team Ġermaniż ieħor BSG Wasser 75 (Berlin).

B’kollox 16-il team minn sitt pajjiżi differenti, jiġifieri l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, Malta u Spanja, ħadu sehem fit-Tournament tal-Badminton fil-kategorija tal-Masters.

It-team tal-Bowling li rrappreżenta lill-MESA kien dak tal-Malta International Airport, iffurmat minn Charlie Galea, Charlie Farrugia, Mario Ellul, Alfred Pulis u Aaron Belli. Huma waslu sas-semi-finali fejn tilfu kontra Interbowling Mallorca ta’ Spanja biex kellhom jikkuntentaw bil-midalja tal-bronż.

Fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni huma kienu fi Grupp F flimkien ma’ Allianz Weisblau Koln (Ġermanja), AS Airbus Helicopters (Franza) u SG Finanzberhorden Munich (Ġermanja).

It-team Malti rebħu l-grupp biex għaddew għall-kwarti-finali fejn rebħu kontra Hamburg Port Authority (Ġermanja). Iżda kif għidna kellhom ibaxxu rashom fis-semi-finali kontra Interbowling Mallorca (Spanja).

Fit-Tournament tal-Bowling ħadu sehem 32 team li kienu ġejjin mill-Belġju, Franza, il-Ġermanja, Iżrael, Malta u l-Olanda.

Kollox ma’ kollox ir-riżultati miksuba mit-timijiet Maltin jistgħu jitqiesu bħala sodisfaċenti ħafna bir-rebħ ta’ midalja tal-fidda u midalja tal-bronż.

————————————————————————————————————————————————————-

Gallery

————————————————————————————————————————————————————-

————————————————————————————————————————————————————-

Il-kontinġent Malti tal-bowling

————————————————————————————————————————————————————-

————————————————————————————————————————————————————-

————————————————————————————————————————————————————-





Leave a comment