IL-Logħob tal-FISEC opsitat f’Malta

Tuesday, July 7, 2015, 16:39

FISEC Games Logo

Gavin Muscat

Malta ser tospita s-67 edizzjoni tal-logħob tal-FISEC, li ser isiru bejn it-tmienja u l-erbatax ta’ Lulju 2015. Għal dawn il-logħob, ser jaslu Malta madwar 800 atleta minn 12-il pajjiż differenti, fosthom il-Brażil, sabiex jieħdu sehem f’sitt dixxiplini sportivi differenti li huma: l-Atletika, il-Basketball, il-Football, il-Futsal, l-Għawm u l-Volleyball. Fil-logħob tal-FISEC jieħdu sehem studenti bejn l-14 u s-16-il sena minn skejjel kattoliċi. Dettalji ngħataw minn David Azzopardi, id-direttur sportiv tal-logħob. Azzopardi kompla jispjega kif il-logħob ser isiru fil-Mattew Micallef St John track tal-Marsa, il-padiljun tal-basketball f’ta’ Qali, l-istadium taċ-Ċentinarju f’ta’ Qali, il-pixxina nazzjonali tal-Qroqq, u l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera ser jilqa’ l-kompetizzjoni tal-volleyball.

Illum il-ġurnata ħafna qed jifhmu l-importanza tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel u inizjattivi li qed jieħu l-Gvern, qed ikomplu jgħinu sabiex aktar tfal ikunu fiżikament attivi. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ngħataw dettalji dwar dan il-logħob. Huwa kompla jsemmi kif hemm korrelazzjoni bejn ir-riżultati sportivi u dawk fl-eżamijiet.

Brother Martin Borg fsc., ċermen tal-Kunsill Malti tal-FISEC, fakkar li l-logħob tal-FISEC sar sinonimu ma’ pajjiżna, hekk kif din mhux l-ewwel darba li pajjiżna ospita dawn il-logħob; minbarra l-fatt li tnejn mill-uffiċjali Maltin, Carmen Carabott u Julie Bajada jokkupaw karigi fil-kumitat internazzjonali. Filfatt Carabott hija s-segretarja ġenerali u Bajada hija s-segretarja tal-kumitat CIRPP fi ħdan il-FISEC internazzjonali.

Waqt il-konferenza tkellem ukoll Louis Borġ li huwa l-Viċi President tal-kumitat Malti. Dan qal li dawn il-logħob mhux biss jippromwovu l-aspett kompetittiv iżda fuq kollox il-valuri ħajjin li fuqhom għandha tkun mibnija l-attività sportiva fosthom dak tal-fair play u r-rispett lejn l-oħrajn.

Mark Cutajar, l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-KMS, spjega kif dawn il-logħob huma f’sintonija mal-ħsieb ta’ Sport Malta, fejn l-atleti Maltin jingħataw kompetizzjoni denja sabiex iqabblu u jtejbu l-livelli tagħhom. Filfatt il-ħsieb huwa li jekk kemm –il darba Malta ma tistax tmur tikkompeti barra l-pajjiż, wieħed għandu jġib f’pajjiżna kompetizzjonijiet ta’ livell. Għal dawn il-logħob, b’rabta mal-Presidenza tal-2017, tnediet pjattaforma li qed tiġbor nies li jaħdmu volontarjament f’attivitajiet bħal dawn, bil-ħsieb li din il-pjattaforma tikber u eventwalment tkun adottata mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.                                              





Leave a comment