Il-Kwarti tal-Finali tal-YAMAHA Gozo Motocross Championship 2019

Tuesday, March 26, 2019, 8:57

Il-Gozo Motocross Association kompliet il programm tagħha nhar il-Ħadd li għadda bi programm li beda fis-siegħa ta’ waranofsinhar fit-trakka ta’ Xħajma.

Numru sabiħ ta’ sewwieqa Maltin ingħaqdu ma’ dawk Għawdxin b’total ta’ 22 sewwieq li pparteċipaw f’kompetizzjonijiet mill-isbaħ, li attiraw numru kbir ta spettaturi.

Il-ġurnata bdiet bi Klassi D fejn is-sewwieq żagħżugħ, David Mercieca għamel suċċess hekk kif akkwista l-akbar ammont ta’ punti fil-kategorija tiegħu. Huwa kellu sfida ma’ Anthony Fenech u Isaac Bartolo li spiċċaw bl-istess ammont ta’ punti. B’hekk Fenech spiċċa fit-tielet post filwaqt li Bartolo daħal it-tieni.

Fi klassi Ċ Daniel Portelli akkwista punti massimi segwit minn Jorn Stellini fit-tieni post. Wara Stellini daħal William Sant segwit mill-qrib mis-sewwieqa Maltin Lewis Debono u Arthur Micallef.

Glenn Vella mar tajjeb ħafna fi Klassi B, hekk kif ukoll akkwista punti massimi tal-ġurnata. Warajh daħal is-sewwieq Malti Daniel Caruana li minn naħa tiegħu kien segwit mill-qrib minn Robert Spiteri. Hawnhekk kellna r-ritorn taċ-Ċampjin Għawdxi fis-sena 2016-17 Mario Cauchi, wara nuqqas pjuttost twil mix-xena motocross. Cauchi kkompeta fi klassi B u daħal fir-raba’ post.

Il-klassi A kienet iddominata minn sewwieqa ta’ ħila u determinazzjoni kbira. Kyle Camilleri, li huwa ċ-Ċampjin renjanti f’Malta mal-ASMK, irnexxielu jakkwista l-ewwel post segwit mill-qrib miċ-Ċampjin renjanti Għawdxi Steve Xuereb. Warajhom fit-tielet post daħal David Dimech li kien segwit minn Carmelo Borg.

Minbarra l-isponsor ewlieni tal-kampjonat 2019, Yamaha minn Gasan Zammit, din l-attività kienet ukoll issapportjata minn Ravenol Lubricants and Oil minn Galea General Services, fix-Xewkija Għawdex. Il-President tal-GMA Frank Xuereb ippreżenta t-trofej u xi prodotti Ravenol lir-rebbieħa kollha filwaqt li komplew jinġabru l-punti għall-klassifika tal-kampjonat 2019.

Il-Gozo Motocross Association  tavża li s-semi finali tal-Yamaha Gozo Championship 2019 se tkun nhar il-Ħadd 14 ta’ April 2019 fit-trakka Ta’ Xħajma, bil-kompetizzjonijiet jibdew fis-siegħa ta’ waranofsinhar.

Il-GMA tfakkar ukoll li nhar is-Sibt 30 u l-Ħadd 31 ta’ Marzu, għall-ewwel darba fil-gżira Għawdxija, se jsiru l-Master Classes fil-Motocross. It-taħriġ li huwa twil għaxar sigħat u mifrux fuq jumejn, se jsir mis-sewwieqa Dimitri Asmanov u Nenad Maxims, li huma ċampjins tal-Motocross Ewropew.

Il-GMA tavża li fiż-żmien li ġej se jkun hemm ħafna attivitajiet organizzati għad-dilettanti tal-motocross, enduro, trials u anke autocross. Id-diriġenti tal-għaqda jħeġġu biex aktar sewwieqa jingħaqdu magħha u li għal aktar tagħrif isegwu l-paġna ta facebook fuq – https://www.facebook.com/gmagozo/





Leave a comment