Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kontra l-bini ta’ shooting range ħdejn il-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq

Wednesday, September 14, 2016, 15:23

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qiegħed joġġezzjoni għal applikazzjoni (PA 02050/16) li ġiet ippreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jinbena shooting range ħdejn il-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq li tinsab fil-konfini tas-Siġġiewi.

Il-Kunsill qiegħed joġġezzjoni għal din l-applikazzjoni għal dawn ir-raġunijiet:

1. L-iżvilupp propost ser jikkawża tniġġis mill-istorbju (noise pollution) f’zona li hija kkaratterizzata minn kwiet tipiku ta’ zona rurali bħalma hi dik ta’ Ħal Xluq fis-Siġġiewi;

2. Is-sit tal-iżvilupp propost huwa viċin ħafna – madwar 50 metru biss – tal-Kappella ta’ Santa Marija ta’ Ħal Xluq li għandha valur storiku u kulturali kbir u għalhekk ħaqqha tiġi mħarsa b’kull mezz possibbli;

3. L-iżvilupp propost ser ikollu impatt negattiv fuq iz-zona ta’ Ħal Xluq bħala Small Rural Settlement (Category 3 Settlements ODZ) għal użu residenzjali skont kif stabbilit mill-Pjan Lokali għall-Majjistral ta’ Malta (NWRS 4); u

4. L-iżvilupp propost huwa nkompatibbli mas-sit innifsu u maz-zona ta’ Ħal Xluq li hija waħda rurali u li l-użu tagħha huwa limitat għall-agrikoltura.

Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal “L-Awtorità tal-Ippjanar għandha tirrifjuta din l-applikazzjoni mhux biss għax hemm illegalitajiet fejn qed jiġi propost li jsir il-bini ta’ shooting range iżda għaliex il-proposta ma’ taqbilx mal-karattru rurali taz-zona tal-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq”.

Il-Parroċċa tas-Siġġiewi, Din l-Art Ħelwa kif ukoll residenti taz-zona ta’ Ħal Xluq qegħdin ukoll joġġezzjonaw mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar din l-applikazzjoni.

L-Awtorità tal-Ippjanar ser tkun qegħda tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni waqt laqgħa li ser issir għada l-Ħamis 15 ta’ Settembru 2016 fis-2.00 p.m. fl-Aula Magna (L-Università l-Antika) fi Triq San Pawl, Il-Belt Valletta.

Kuntatt: Karol Aquilina – Sindku tas-Siġġiewi (Mobile: 79274316)

 

Il-kappella ta' Ħal Xluq





Leave a comment