Il-Kumitat Olimpiku Malti jonora r-rebbieħa tal-Midalji fil-Logħob tal-Pajjizi Żgħar tal-Ewropa 2017

Friday, September 1, 2017, 13:40

Il-Kumitat Olimpiku Malti organizza serata fejn ġew onorati l-atleti li rebħu medalji fil-Logħob tal-Pajjizi Żgħar tal-Ewropa tal-2017 f’San Marino f’Ġunju. B’kollox, l-atleti Maltin ġabu lura lejn Malta disgħa u għoxrin medalja – erbgħa deheb, disgħa fidda u sittax-il bronż.

Għas-serata, kienu preżenti l-atleti, membri tal-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti,  is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Organizzazzjonijiet Volontarji Dr Clifton Grima kif ukoll membri tal-midja.

Ic- Chef de Mission tal-GSSE, William Beck laqa’ lil dawk preżenti, spjega l-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-logħob fejn tmienja u tmenin atleta ħadu sehem fit-tnax-il dixxiplina – Sparar bil-Qaws, Atletika, Baskitbol, ​​Beach Volley, Boules (Raffa), Ċikliżmu, Judo, Sparar, Għawm, Table Tennis, Tennis u Volleyball.

F’indirizz qasir, l-Onor. Dr Grima qal “Aħna kburin ħafna u nirringrazzjawkom peress li intom il-persuni li tagħtu l-100% tagħkom meta tirrappreżentaw lil Malta. Intom il-persuni li għandkom tħossukhom kburin u privileġġati kull meta tkunu qegħdin tagħmlu dan – bħala l-elite u l-aqwa talent lokali ta’ Malta.” Is-Segretarju Parlamentari tenna li bħala atleta, wieħed għandu jagħti eżempju s-sena kollha għal dawk li huma iżgħar fl-età u li jfittxu l-atleti bħala mezz ta’ispirazzjoni. Bħalissa s-Segretarjat beda jaħdem fuq kampanji edukattivi li għandhom il-għan li jġibu liż-żgħażagħ eqreb lejn diversi dixxiplini sportivi.

Qabel ma ġew ippreżentati bonusijiet lir-rebbieħa tal-midalji, il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello, irringrazzja lill-atleti, familji, kowċis, federazzjonijiet nazzjonali, il-Gvern, Sport Malta, sponsors u il-midja talli jappoġġjaw ix-xogħol tal-Kumitat.

Pace Bonello wiegħed l-impenn tal-Kumitat Olimpiku Malti,  biex jkompli jipprovdi lill-atleti l-aqwa opportunitajiet possibbli biex jiżviluppaw fil-qasam tagħhom u x-xogħol jibqa għaddej sabiex iwasslu aktar unuri u medalji f’Malta.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Kumitat Olimpiku Malti, jekk jogħġbok żur – www.nocmalta.org.

photos: Christian Cauchi





Leave a comment